Is-sena l-ġdida tinsab ftit sigħat biss ‘il bogħod minn pajjiżna. Iżda hekk kif kulħadd jinsab b’ħeġġa liema bħalha biex jilqa’ l-2019, ħaddieħor diġa ċċelebra l-wasla tagħha, u aktarx diġa straħ fl-ewwel sigħat tagħha.
Fost l-ewwel pajjiżi li taw merħba lis-sena l-ġdida kien hemm Tonga, Samoa u Kiribati. L-ispettaklu f’Samoa kien ikkaraterizzat b’wirja kbira ta’ logħob tan-nar. Fatt interessanti huwa li siegħa ‘l bogħod bl-ajruplan hemm il-gżira Amerikana Samoa, li tiċċelebra s-sena l-ġdida tnax-il siegħa wara Samoa minħabba d-differenza fil-ħin.
New Zealand ukoll laqa s-sena elfejn u dsatax, u fi bliet bħal Auckland kien hemm imħejji spettaklu ta’ logħob tan-nar, hekk kif l-ispettaturi żifnu u ċċelebraw.
Fl-istess waqt kien għaddej ukoll il-festival Wondergarden, b’ħafna nies jinsabu Auckland propju għal dal-festival u laqgħu is-sena bil-mużika.
Ma naqasx l-ispettaklu annwali li jsir f’Sydney Harbour, hekk kif mat-tokki ta’ nofsillejl fl-Awstralja, il-logħob tan-nar xegħel port sħiħ li issa sar rinomat għal fost l-isbaħ merħbiet li jingħataw lis-sena l-ġdida.
Wara l-Awstralja laqgħu l-2019il-pajjiżi tal-Ġappun, Korea t’ Isfel, l-Indoneżja u partijiet mir-Russja.
Malta hija fost il-pajjiżi li jinsabu fin-nofs li jiċċelebraw is-sena l-ġdida. Isegwu hemm ir-Renju Unit, il-Kanada u l-Istati Uniti.