Mil-lum, l-Air Malta reġgħet bdiet bil-bejgħ tal-biljetti wara li ħabbret l-iskeda tagħha għal dan is-sajf ibbażata fuq il-kunċett ta’ safe corridors.
Mill-ewwel ta’ Lulju, l-Air Malta se tibda ttir lejn Katanja fi Sqallija, Frankfurt, Munich, Dusseldorf u Berlin fil-Ġermanja, Praga fir-Repubblika Ċeka u l-Lussemburgu.
Il-ġimgħa ta’ wara, se ttir ukoll lejn Zurich u Geneva fl-Iżvizzera.
Il-prezzijiet tat-titjiriet jibdew b’€39 triq waħda, u jinsabu disponibbli fuq is-sit elettroniku www.airmalta.com u mill-aġenziji tal-ivvjaġġar.
Fi stqarrija, l-Air Malta qalet li wara kważi tliet xhur topera biss titjiriet ta’ ripatrijazzjoni lejn Londra, Amsterdam, Frankfurt u Ruma, tinsab ħerqana li terġa’ tilqa’ passiġġieri fuq titjiriet kummerjċali, u tħares ’il quddiem li ttajjar mal-150,000 passiġġier lejn dawn id-destinazzjonijiet fl-Ewropa, b’kollaborazzjoni ma’ diversi entitajiet.
Fil-ġranet li ġejjin, l-Air Malta mistennija tħabbar kampanja b’saħħitha fuq il-midja soċjali biex tattira aktar turisti lejn pajjiżna.