Il-Partit Laburista għandu stedina miftuħa għall-Ħadd li ġej, għall-maratona ġbir ta’ fondi miċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun. Matulha, il-pubbliku se jiċċelebra s-suċċess li qed jgħix f’pajjiżna bil-ħidma li qed iwettaq il-Gvern.
Il-Kap eżekuttiv tal-Partit Laburista Randolph De Battista spjega kif it-tema tal-maratona se tkun ‘Niċċelebraw is-Suċċess’.
“Din hija t-tema li għażilna, u għażilnieha propju għaliex dan huwa pajjiż li qed jagħmel suċċess, dan huwa partit li qed jagħmel suċċess. Dan huwa l-mument li wieħed jista’ jgħin lill-Partit Laburista, biex ikompli jsaħħaħ lill-Partit Laburista, biex ikompli jsaħħaħ dan il-moviment”.
Is-Segretarju Organizattiv tal-Partit Laburista, William Lewis, spjega kif bħalissa għaddej ix-xogħol sabiex is-sala taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista tinbidel fi studio li minnu tixxandar il-maratona. Saħaq li l-Partit Laburista qed jara li jtella’ bosta attivitajiet li jolqtu lil kulħadd fosthom esports tournament ta’ FIFA fil-Foyer u Virtual Reality headset. Numru ta’ personalitajiet se jieħdu sehem ukoll fi quiz interessanti:
“Se jkollna tliet affarijiet li huma partikolari u ftit differenti milli jkollna fil-maratoni ta’ snin passati. Waħda minnhom, se naraw il-kandidati tal-MEPs jikkompetu bejniethom fit-tisjir. Jiġifieri se naraw il-kandidati tagħna kemm jafu jsajru flimkien ma’ chefs rinomati, u għaldaqstant se nkunu qed narmaw kċina barra taħt it-tinda quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, biex hemmhekksea nkunu qed naraw lill-kandidati tagħna x’jafu jsajru u kif se jmorru f’din il-kompetizzjoni ħelwa.”
Il-qofol jintlaħaq b’intervista l-Ħadd filgħaxija mal-prim ministru u mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat. Dr De Battista saħaq li l-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-maratona hija kruċjali.
“Is-sena d-dieħla ġejjin appuntamenti elettorali importanti ħafna għalina, l-Elezzjoni tal-Kunsilli Lokali madwar Malta u Għawdex kollha, kif ukoll l-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Biex nassiguraw li nkomplu niċċelebraw flimkien, u biex nassiguraw li l-Partit Laburista jwassal l-aqwa messaġġ jeħtieġ l-għajnuna ta’ kulħadd. Nhar il-Ħadd li ġej se nkunu qed noffru spettaklu għal min isegwina mit-televiżjoni, imma wkoll nieħdu pjaċir jekk in-nies jiġu hawnhekk u jiltaqgħu magħna u jekk jistgħu jagħatu d-donazzjoni tagħhom”.