Il-Belt Valletta se terġa’ tilqa’ ċ-ċelebrazzjonijiet nazzjonali tal-aħħar tas-sena li mistennija jattendu għalihom eluf ta’ nies biex jilqgħu s-sena l-ġdida f’atmosfera mill-aktar ferriħija.
F’konferenza tal-aħbarijiet, iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef qal li huwa stmat li din is-sena mas-70,000 ruħ se jattendu bi ħġarhom għal dawn iċ-ċelebrazzjonijiet.
Huwa spjega li fuq il-palk ewlieni fi Pjazza San Ġorġ se jieħdu sehem fost l-aqwa artisti u bands lokali fosthom The Travellers.
Is-Sur Micallef qal: “L-artisti din is-sena huma fost l-aqwa talent li għandna bħal Kurt u Gaia imma fuq kollox l-aktar grupp popolari f’pajjiżna dal-ħin ‘the travellers’ u l-aħjar DJs li għandna hawnhekk li se jkunu qed jallegraw għal madwar sitt sigħat show fi pjazza San Ġorġ.”
Is-Sindku tal-Belt Valletta Alfred Zammit qal li l-kunsill ħadem bi ħġaru għal dan l-avveniment sabiex jipprovdu lejl mill-isbaħ għal kull min jattendi.
Zammit sostna: “Kulħadd ikollu l-opportunità li niċċelebraw l-ewwel tas-sena. Jekk forsi m’għandekx hafna flus x’tonfoq bi ftit flus tista’ tiġi l-Belt Valletta u tieħu pjaċir. Inħeġġu lil kulħadd speċjalment iż-żgħażagħ li se jigu lejlet l-ewwel tas-sena l-Belt biex jużaw it-transport pubbliku, anke forsi jkunu ħadu dak id-drink żejjed lejlet l-ewwel tas-sena biex jiċċelebraw, nevitaw l-inċidenti u nużaw it-transport bil-baħar minn ta’ Sliema għal Belt u mill-Kottonera għal Belt Valletta. ”
Is-serata se tkun animata mill-preżentatur Frank Zammit flimkien ma’ Valentina Rossi u Nate Darmanin li ma’ ONE News qalu li jinsabu eċċitati b’din l-opportunità.
Frank Zammit qal: “Jekk tħares lejn il-line up mhux ahna biss imma jekk thares lejn il-line up kollu tinduna kemm verament se jkollu x’joffri il-belt f’lejlet l-ewwel tas-sena l-appell huwa wkoll li jintuża t-trasport pubbliku kif ukoll it-trasport bil-bahar biex b’hekk niġu hawnhekk nieħdu gost nieħdu drink ukoll u ma jkollniex għalfejn ninkwetaw fuq affarjiet oħra.”
Is-servizz tat-transport pubbliku, kemm dak tal-art u dak tal-baħar se jkun estiż sal-4:00 ta’ filgħodu.