F’Jum iddedikat lill-abbatini saret ċerimonja li ċċelebrat s-servizz tal-abbatini.
Din tmexxiet mill-missirijiet li fil-passat kienu abbatini huma wkoll u l-qari fil-quddies sar mill-ommijiet.
L-għaqda tal-abbatini Franġiskani hija pjuttost ikkulurita fejn l-iżgħar abbatina hija Francesca Galea li għandha biss erba’ snin filwaqt l-ikbar abbati huwa Andrew Micallef St John li għandu 16-il sena.
L-iktar abbatina li ilha sservi u ilha membru f’din l-għaqda hija Shanaia Attard li għandha erbatax -il sena u ilha abbatina għal dawn l-aħħar 11-il sena.
Attard spjegat li “Il-ferħ li tista’ tħoss fuq l-artal ma tista’ tħossu mkien aktar. Huwa ferħ li ma għandek l-ebda kliem, m’hemm l-ebda kliem li tista tuża’ biex tispjegah. Hija xi ħaġa veru għal qalbi.”
Matul iċ-ċerimonja, Shanaia ingħatat rikonxximent fejn minn Frar sa Ottubru li għadda hija tat is-servizz tagħha fil-paroċċa bħala abbatina madwar 240 darba.
“Inħossni ferħana imma jiena ma nagħmilhiex biex niġi premjata nagħmilha għaliex veru hija xi ħaġa li jiena nieħu gost nagħmel – għalija hija ħajti”, sostniet Attard.
Jayden Ellul li ilu abbati għal dawn l-aħħar erba’ snin, tenna li meta tkun parti mill-grupp ta’ abbatini tagħmel ħbieb ġodda u tibda’ tidħol lejn il-qalba t’alla. Huwa wkoll stqarr magħna li bħalissa jinsab fil-proċess sabiex jitla’ l-Vatikan.
Ellul stqarr ma’ crew ta’ ONE News li jinsab“Eċċitat biex immur l-Vatikan u nkun nista niltaqa’ mal-papa, mhix xi ħaġa komuni li tiltaqa’ mal-papa.”
Ċertament li Jayden influwenza ruħu minn missieru, Kevin Ellul li kien ukoll abbati għal dam sittax -il sena sħaħ. Ellul saħaq li għaż-żminijiet tal-lum hija espressjoni sabiħa li tara dawn iż-żgħażagħ kollha entużjastiċi.
“L-abbatini hija xi ħaġa li Malta iż-żgħażagħ għandhom jidħlu. One idaħħal lill-Ġesu’ ġo qalbek, ġġib iktar esperjenza, dixxiplina li hija l-aktar ħaġa qofol tal-ħajja”, qal Kevin.
Esperjenza li diġà għexa Jonathan Laferla 30 sena ilu. Huwa qal: “L-esperjenza fil-Vatikan kienet eżattament 30 ena ilu jiġifieri din is-sena kienet it-30 sena anniversarju minn mindu tlajt u l-istess kien xahar sabiħ ħafna, dak iż-żmien konna nitilgħu ndumu xahar, l-istess tiltaqa’ mal-papa illum qaddis għandi l-unur ngħid ma’ qaddis hux – Papa Ġwanni Pawlu t-Tieni.”