Waqt konferenza tal-aħbarijiet is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes żar ix-xogħol li bħalissa qed isir fuq numru ta’ housing estates f’Santa Luċija. Investiment t’iktar minn nofs miljun ewro li minnu ser jibbenifikaw madwar mitejn u sitt familji.
Erba’ mija u tmenin elf ewro sarrfu f’investiment ta’ rinovar, manutenzjoni u tisbieħ f’erba’ binjiet kbar f’Santa Luċija filwaqt li wieħed u tletin elf ewro oħra ġew utilizzati fuq xogħol ta’ manutenzjoni fuq sitt binjiet fl-istess lokalità.
Dawn apparti is-seba’ blokok li fiż-żmien li ġej ser ikollhom lift installat bħala parti minn skema ko-finanzjata minn fondi Ewropej.
Is-Segretarju Parlamentari għall-akkomodazzjoni soċjali, Roderick Galdes stqarr li fl-inħawi tal-lokalità kien hemm madwar tletin gallarija li kienu ta’ periklu iżda bis-saħħa ta’ din il-ħidma mhux biss saret manutenzjoni iżda sar ukoll xogħol ta’ tisbiħ mal-faċċati u l-bjut bil-għan li l-binjiet tal-gvern jingħataw xejra ġdida.
Galdes saħaq li permezz ta’ dan il-programm ambizzjuż ta’ riġenerazzjoni tal-oqsma tad-djar, il-familji li se jgħixu komdi f’housing estates dejjem aktar moderni u siguri.