Mill-manolina, l-ewwel magna tal-istampar għat-tipi antiki b’ittri tal-injam għall-magni moderni illum il-ġurnata.
Meta ninsabu inqas minn mitt jum mill-Elezzjonijiet Ewropej u tal-Kunsilli Lokali li se jsiru fit-8 ta’ Ġunju, ONE News sebaħ fl-istamperija tal-Gvern fejn għaddejja ħidma sfiqa bħala tħejjija.
Għalkemm għadu fi stadju bikri, sibna għadd ta’ ħaddiema jaħdmu għalenija fuq il-proċess tal-istampar tad-dokumenti tal-vot.
B’kollox f’dan il-proċess se jkunu qed ikunu stampati mal-448,000 dokument tal-vot għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u mat-384,000 dokument ieħor għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.
Fost dawn id-dokumenti jkun hemm għadd ta’ dokumenti li jkunu stampati żejda. Dan isir minħabba li fl-istampar jista jirriżultaw difetti diferenti u għalhekk ikun meħtieġ li jiġu pprintjati dokumenti. Uħud minn dawn id-difetti jistgħu jirriżultaw kemm mill-istampar innifsu u anke l-applikazzjoni ta’ feature minħabba s-sigurtà tad-dokument kemm fuq il-faċċatta tal-vot u kemm fuq wara, fost oħrajn.
Barra dan hemm ukoll l-ipproċessar tad-dettalji tal-persuna, li jibda minnufih meta jingħalaq ir-Rolling Register ix-xahar id-dieħel.
Osvaldo Pace li huwa direttur fi ħdan l-istamperija tal-gvern spjegalna il-proċess li segwejna pass pass.
‘Minħabba li dawn l-elezzjonijiet jirrikjedu kemm il-Kunsilli Lokali u kemm il-Parlament Ewropew nibdew bil-prepazzjonijiet ħafna mnn qabel. Għaldaqstant il-ġimgħa l-oħra u llum konnha qed nieħdu ħsieb il-preparamenti tad-dokument tal-vot mill-istampar fuq wara u napplikaw security feature biex ikun aktar sigur u identiku.’
Id-dokumenti tal-vot għall-Elezzjonijiet għall-Parlament Ewropej din is-sena se jkunu qed juru il-binja ewlenija uffiċjali fi Strasburgu filwaqt li dawk għall-Kunsilli Lokali juru l-gzejjer Maltin maqsuma raħal, raħal.
Pace tkellem magħna dwar xi tkun it-triq ‘il quddiem wara li jsir dan il-proċess.
‘Issa meta jitħabbar ir-writ u jitħabbar u jingħalaq ir-Rolling Register ikollna eżatt il-figuri u l-persuni li jkunu ntitolati għall-vot u minn hemm nibdew nipproċessaw id-dettalji tal-persuna fuq in-naħa ta’ quddiem tal-vot u jiġu ssiġġillati bil-plastik u terġa’ tiġi applikata security feature oħra. Jinqatgħu tal-qies, jiġu mqassmin skont il-polling booths, imbagħad jitqassmu mill-pulizija fi djar rispettivi.’
Sadanittant, l-Uffiċċju Elettorali tal-Partit Laburista qed jilqa’ l-applikazzjonijiet mingħand dawk li jixtiequ li jservu bħala Assistenti Kummisjonarji Elettorali fl-Elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju. Kull min jintgħażel għal dan ix-xogħol u se jkun qed iservi bħala AEC’s se jkun qed jitħallsu direttament mill-Kummissjoni Elettorali.