Wara li lbieraħ ir-rappreżentanta Maltija għall-Eurovision Song Contest, Claudia Faniello, ħalliet Malta biex tkompli bil-preparamenti għall-festival f’Kyiv, illum ittellgħet l-ewwel prova tal-kanzunetti li se jieħdu sehem, b’Breathlessly tkun waħda minnhom.
Huma bosta li qasmu l-ħsieb tagħhom fuq il-midja soċjali fejn qalu li leħinha u l-preżenza ta’ Claudia fuq il-palk hi biżżejjed biex issaħħar lil kull min ikun qed isegwi dan l-ispettaklu.
Taħt il-filmat huma bosta persuni, kemm barranin kif ukoll Maltin, li faħħru l-vuċi meraviljuża li għandha din il-kantanta.
Propju ftit tal-jiem ilu Claudia ħabbret li ħarġet verżjoni bil-lingwa Taljana tal-kanzunetta ‘Breathlessly’ peress li hi nofsha Taljana.
L-ewwel fażi tal-Eurovision Song Contest, li Malta se tkun qed tieħu sehem fit-tieni semi finali, se jkun qed isir fil-11 ta’ Mejju. Claudia se tkun qed tkanta fil-ħames post bil-kanzunetta ‘Breathlessly.’