“Il-Ħabib tiegħi Rupert Tabone…ħallejtna lkoll bla kliem u b’qalbha maqsuma.“
Hekk kiteb b’qalb imnikkta Sylvan Borg, ħabib ta’ Rupert Tabone ta’ 54 sena minn San Pawl il-Baħar, li tilef ħajtu wara li kien involut f’inċident tat-traffiku bil-mutur. L-inċident seħħ għall-ħabta tal-17:00 tal-bieraħ waranofsinhar fil-Bypass ta’ Birkirkara, meta Rupert tilef il-kontroll, tal-mutur bil-konsegwenza li kellu impatt mal-barrikati tal-ħadid.
Il-mezzi soċjali mimlija kliem ta’ tifħir u gratitudni lejn il-vittma, li serva fl-iskwadra marittima tal-Forzi Armati ta’ Malta. Fosthom hemm il-filmat li tella’ Sylvan Borg, flimkien ma’ dan il-kliem:
“Dawn huma xi video clips żgħar li ħadna flimkien bħala ekwipaġġ, abbord P24, li se ngħożż għal dejjem. Int kont raġel tal-għaġeb, dejjem bi tbissima, mimli ċajt, u tixgħel kull post li qatt tidħol fiħ. Strieħ fis-sliem ħabib tiegħi.”
Steve Azzopardi kiteb hekk: “Bla kliem sieħbi. Ħallejtna ħabib tiegħi. Ħabib ta’ vera, raġel fuq l-irġiel. Grazzi ta’ dak kollu li għamilt miegħi u mal-familja Rupert Tabone. Dejjem f’qalbi u f’moħħi sbejjaħ. Inħobbok Rupert. RIP. “
Simon Cassar kiteb: “Rest in peace ħabib tagħna Rupert Tabone. Daqshekk iltqajna bħala crew biex insajru,noħorġu u nixxalaw. Sakemm nerġgħu niltaqgħu, żomm idejk fuqna.“
ONE News joffri kondoljanzi lill-familja, qraba u ħbieb ta’ Rupert Tabone.