Il-Malti jgħid “Kull qatra tgħodd” u dan huwa minnu għall-qtates tat-triq li jiddependu fuq nies li ħafna drabi minn jeddhom u minn buthom jagħtuhom x’jieklu u x’jixorbu.
Fid-dawl li ħafna minn dawn in-nies huma anzjani, u li allura minħabba s-sitwazzjoni bħalissa huma meqjusa vulnerabbli u mhux qed joħorġu mid-dar, kumpanija li tissuplixxi l-ikel u oġġetti oħra tal-annimali domestiċi, ħadet l-inizjattiva biex ikunu l-impjegati tagħha li jitimgħu l-qtates tat-triq.
Francesca Mercieca, li taħdem mal-kumpanija, spjegat li fuq gruppi tal-annimali fuq il-midja soċjali, identifikaw l-aktar postijiet fejn jinġabru l-qtates fosthom Ta’ Qali, Tas-Sliema, il-Marsa u l-Belt. Huma qed imorru f’dawn il-lokalitajiet biex jitimgħu u jagħtu l-ilma lill-qtates.
Hija spjegat: “Qegħdin induru locations li qed naraw u nsibu minn fuq il-midja soċjali fejn bħalissa huwa aktar diffiċli bl-istray cats, xi ħadd imur u jitmagħhom regolari bħalma kien qed jagħmel qabel.”
Hija appellat biex f’dan iż-żmien diffiċli meta l-annimali domestiċi jkunu ta’ kumpanija għas-sidien tagħhom, jieħdu ħsiebhom.
Qalet li huwa tajjeb li wieħed joħroġ għal xi mixja mal-annimali, speċjalment klieb, iżda imbagħad jittieħdu l-prekawzjonijiet.
Mercieca sostniet: “Il-pets inżommuhom id-dar, mhux il-mument li neħilsu minnhom jiġifieri għalkemm fuq il-pil tagħhom jista’ jkun hemm il-virus jew xi ħmieġ, użaw ilma bis-sapun, imsħu l-pets tagħkom sew qabel tidħlu ġewwa u ngħixu l-ħajja kif aħna lkoll flimkien.”