F’anqas minn tnax-il siegħa mindu l-immigranti abbord l-MV Lifeline daħlu f’Malta, beda b’mod immedjat l-eżerċizzju ta’ assessjar tal-mitejn u tletin immigrant li qegħdin jinżammu fiċ-ċentru tal-immigranti fil-Marsa.
Matul il-jum, il-Pulizija bdiet tinterroga wkoll lill-kaptan tal-vapur wara li kiser il-liġijiet internazzjonali meta rrifjutat l-ordnijiet li ngħata mill-awtoritajiet Taljani.
Intant matul il-jum, il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li n-Norveġja ngħaqdet mat-8 pajjiżi Ewropej li se jaqsmu bejniethom l-immigranti li ddaħħlu f’Malta.
Il-kollega Daniel Schembri dalgħodu sebaħ quddiem iċ-ċentru fil-Marsa fejn jinsabu miżmuma taħt detenzjoni l-immigranti. Huwa tkellem ma’ Roberta Buhagiar, kordinatur tal-immigrazzjoni fi ħdan il-Ministeru għall-Intern li spjegat il-ħidma li bdiet mill-awtoritajiet biex fi żmien qasir jibda r-rilokar tal-immigranti.
L-għada tal-wasla ta’ aktar minn mitejn immigrant f’Malta, issoktat il-ħidma tal-awtoritajiet Maltin biex l-immigranti jiġu identifikati u rreġistrati.
Dan bil-għan li l-immigranti li jikkwalifikaw għal status ta’ ażil jibdew jiġu rrilokati fost id-disa’ pajjiżi li qablu li jieħdu bejniethom l-immigranti abbord l-MVLife li l-Erbgħa filgħaxija trakka f’Boiler Wharf fl-Isla.
Matul il-jum il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li n-Norveġja ngħaqdet ma’ tmien pajjiżi Ewropej li qablu li jieħdu bejniethom l-immigranti abbord ill-vapur.
F’preżenza qawwija ta’ midja internazzjonali, ONE News tkellem ma’ Roberta Buhagiar, ko-ordinatur tal-immigrazzjoni fi ħdan il-Ministeru għall-Intern li spjegat is-sitwazzjoni medika ta’ dawk abbord l-MV Lifeline.
Is-Sinjura Buhagiar qalet li sa minn kmieni filgħodu l-immigranti sarulhom bosta testijiet mediċi flimkien ma’ eżamijiet forensiċi. Fl-istess waqt bdew jiġu rreġistrati.
Intant fi żvilupp ieħor matul il-jum, il-kaptan tal-vapur MV Lifeline ingħata l-police bail wara li ġie interrogat għal diversi sigħat mill-Pulizija Maltin fid-Depot fil-Furjana. Dan wara li ġie akkużat li kiser regoli marittimi internazzjonali wara li ġabar l-immigranti mill-ibħra Libjani u injora l-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet Taljani.