Hemm min jemmen li dak li titkellem dwaru jew taħseb dwaru spiss, eventwalment isir realtà.
Hekk ġralu ġurnalist miċ-Ċilì, li kien qed jirrapporta dwar sensiela ta’ serqiet li seħħew f’zona partikolari f’pajjiżu. Il-ġurnalist Nicolas Krumm kien sorpriż meta pappagall sab ruħu fuq spalltu, iżda xorta waħda baqa’ professjonali u kompla għaddej bir-rappurtaġġ tiegħu.
Ma kienx biżżejjed, għax il-pappagall, donnu jaf li Krumm kien qed jitkellem fuq serq, ħadlu earphone u tar ‘l hemm.
Ħafna kmamar tal-aħbarijiet bħalissa jkunu qed jagħmlu ġabra tal-aktar mumenti strambi, u xi kultant komiċi, li l-ġurnalisti jiltaqgħu magħhom fuq il-post tax-xogħol. Żgur li din l-esperjenza ta Krumm, li saret viral madwar id-dinja f’dawn l-aħħar ġimgħat, se titniżżel bħala waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet.