Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech qed jammetti li hu mmexxi mill-għaqda Repubblika.
L-ewwel jitkellmu ta’ Repubblika u l-esponenti tagħhom, jissiġilla ħu l-President Onorarju ta’ Repubblika, id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina, imbagħad isegwi l-istruzzjonijiet il-Kap Bernard Grech, li tpoġġa minnhom fil-kariga.
Robert Aquilina, infexx jattakka lill-Prim Ministru u, fl-aħħar ħarġa tal-Illum nhar il-Ħadd, mistoqsi hux ħiereġ għall-elezzjoni mal-Partit Nazzjonalista, qal li l-partit ta’ Bernard Grech hu l-akbar partit fl-Oppożizzjoni.
Tkellem ukoll il-kelliem ta’ Bernard Grech għall-ġustizzja, Karol Aquilina, li b’ritratt meħud meta ħarġu l-konklużjonijiet Egrant, qal affarijiet, li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru wieġeb b’mod inekwivoku dwarhom.
Karol Aquilina qal li hemm anke xi ħadd għassa 24 siegħa ma’ rapport ta’ inkjesta, li skontu qed jinżamm f’uffiċċju f’Kastilja.
It-tweġiba mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru kienet ċara u, filwaqt li nnotat li l-Partit Nazzjonalista qed jagħmel kampanja elettorali oħra bbażata fuq gimmicks u invenzjonijiet, qalet li Karol Aquilina hu giddieb u figura parti minn establishment li ilu snin u xhur jindika li jaf x’fiha l-inkjesta.
Imbagħad kien imiss li jitkellem Bernard Grech, li mistoqsi dwar l-attakk tiegħu fuq l-Avukat Ġenerali biex din tagħtih l-inkjesta, ammetta li għandu direzzjonijiet xi jsegwi.
“Għandna timeline, napprezza u tapprezza li dak it-timeline aħna sejrin insegwuh skont id-direzzjonijiet u skont ukoll il-prijoritajiet li aħna jkollna.”
Mistoqsi dwar leaks li kien hemm fl-aħħar sentejn minn inkjesta, li kienet għadha ma ġietx konkluża, Bernard Grech ħarab milli jwieġeb.
Dwar dawn il-leaks ta’ inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Gabriella Vella saħansitra kien hemm proċeduri fil-Qorti wara li anke l-istess Maġistrat ma riditx tirrikuża ruħha, kemm wara kummenti li qalu qrabatha u anke minħabba dawn l-istess leaks dwar ix-xogħol fl-inkjesta, Robert Aquilina ta’ Repubblika kien qed ikun fuq il-post.