Tmiem il-ġimgħa li għadda, mimli b’attivitajiet f’Għawdex wassal biex il-kumpanija Gozo Channel ġarret ‘il fuq minn ħamsa u ħamsin elf passiġġier f’mitejn u żewġ vjaġġi.
B’rabta maċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum il-Belt Victoria, is-Soċjetà Filarmonika La Stella u s-Soċjetà Filarmonika Leone tellgħu żewġ kunċerti mużikali li paxxew il-gosti ta’ dawk kollha li attendew kemm għal ‘RockAstra’ u għal ‘Leone goes Pop’.
Ġewwa l-ġonna publiċi tal-Villa Rindle, ittella’ għall-ewwel darba f’Għawdex, festival marbut man-naħal u l-industrija relatata.
Barra minn hekk, fil-gżira tat-tliet għoljiet, tfakkar l-avveniment storiku ta’ meta s-suldati Franċiżi, mitejn u għoxrin sena ilu, invadew lil Għawdex u ħadu l-kmand tal-gżira.
Din il-wirja magħmula minn aktar minn ħames mitt persuna liebsa l-ilbies tal-epoka, tat ħarsa lejn l-episodji ewlenin li nisġu l-istorja u ħa lil kull min kien preżenti lura fl-istorja.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana fissret l-attivitajiet li ttellgħu f’Għawdex bħala suċċess.
Qalet li avvenimenti bħal dawn qed ikomplu jiġbdu lejn Għawdex aktar turisti, kemm lokali u barranin, li qed jiġu jgawdu mhux biss il-ġmiel naturali tal-gżira, iżda wkoll it-talenti u l-kreattività ta’ Għawdex.
Dan hekk kif, fost l-oħrajn, il-festival ‘Abode on the rock’ ġibed wkoll elf u seba’ mitt żagħżugħ u żagħżugħa barranin lejn il-gżira Għawdxija, liema festival ħalla impatt ekonomiku tajjeb u ġġenera ħafna xogħol.
Ir-raħal kwiet ta’ Santa Luċija wkoll kien mogħni bl-attività hekk kif din il-komunità organizzat b’suċċess il-festival annwali tal-inbid bl-isem ‘Bis-saħħa’.
Il-Ministru għal Għawdex temmet billi faħħret il-kollaborazzjoni u s-sinerġija ta’ bejn numru ta’ entitatijet li wasslu sabiex saru dawn l-attivitajiet kollha mingħajr xkiel.