Fuq idea tal-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana, ir-roundabouts tal-gżira Għawdxija qed jiżżejnu għal kull okkażjoni. Dan beda mill-Milied 2017 b’idea li tkompliet fil-karnival, f’Jum San Valentinu, fl-Għid il-Kbir, u f’avvenimenti relatati mad-diversità fost l-oħrajn.
Ma naqasx li għal Jum l-Omm reġa’ sar armar mill-isbaħ għar-roundabouts prinċipali maħdum mir-residenti ta’ Dar Santa Marta li huwa ċentru ta’ matul il-jum fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex. Ix-xogħol artistiku sar taħt id-direzzjoni tal-artist bravu Għawdxi Joseph Cauchi.
F’Dar Santa Marta b’kollox hemm madwar 35 persuna b’diżabbilità li jingħataw kura ħolisitika fejn id-diriġenti jaħdmu id f’id mal-ġenituri tal-persuni biex dawn tingħatalhom opportunità ta’ ħajja indipendenti. U fil-fatt dan huwa wkoll eżempju ċar fejn flok il-persuni jieħdu lis-soċjetà, kif sfortunatament kien jingħad fil-passat, dawn qed jagħtu lis-soċjetà għaliex qed juru l-ħiliet tagħhom u jaħdmu biex jissebbaħ l-ambjent tal-madwar u anke jitfakkru avvenimenti regolari b’messaġġi pożittivi.
Tul ix-xhur li ilu jsir dan il-proġett, kien hemm ukoll ħidma kollettiva mir-residenti ta’ Dar Padova f’Għajnsielem li tilqa’ fiha nies li jbatu mid-dimensja u anke mill-hub tal-Aġenzija Sapport.