Għandu waħda mill-ikbar jekk mhux l-ikbar kollezzjoni ta’ memorabilja tal-Beatles f’pajjiżna, u għadu jisma’ l-mużika tagħhom fuq il-pjattaforma tal-monotape.
Din hi l-passjoni ta’ Philip Pace ta’ 65 sena, li fi kliemu jgħid li din bdiet meta kien għadu tifel. Pace spejga ma’ crew ta’ ONE News: “Meta kont żgħir kont nisma’ l-Beatles. Dan fis-sixties u kif wieħed jimxi bil-ġenerazzjoni tiegħu jien kont il-ġenerazzjoni li mhux suppost kelli nieħu pjaċir bid-diski tal-Beatles għax il-ġenerazzjoni tiegħi kellha tkun tas-seventies. Pero kien hemm il-Beatles. Biex naraw xi ħaġa tal-Beatles konna ndumu mqajmin bil-lejl biex naraw xi 30 seconds clip fuq ir-Rai.”
Philip qal li l-passjoni għal dan il-grupp leġġendarju minn Liverpool nibtet sforz il-popolarità tal-mużika rock and roll fis-sittinijiet fir-Renju Unit. Popolarità li tferrxet ukoll fejn l-Ingliżi kellhom preżenza navali u militari.
Fosthom ovvjament, f’Malta.
Barra l-kollezzjoni sħiħa ta’ albums tal-Beatles li tista’ tgħid li ma jispiċċaw qatt, Philip ikkollezzjona wkoll mudelli tal-beatles kif ukoll anke l-kitarri. (vetrina) Tispikka wkoll karta bil-firem oriġinali tal-erba’ membri: John Lennon, Paul McCartney, George Harrison u Ringo Starr. (karta)
Iżda Philip ikkollezzjona wkoll memorabilja ftit iktar stramba.
Pace sostna: “Kotba, materjal bħal dak l-arloġġ ta’ Sargaent Peppers. Għandi tal-corgi yellow submarines u għandi kontraċettiv ta’ John Lennon li kien marketing li kien sar ġo l-Asja.”
Il-kollezzjoni tal-Beatles kienet biss waħda minn diversi kollezzjonijiet fl-20 edizzjoni tal-fiera Maltex mtella’ mill-MaltaPost u l-Għaqda Filatelika Maltija fil-każin Malti.
Fil-wirja spikkaw kollezzjoni ta’ bolol minn pajjiżi differenti tad-dinja, dokumenti u ittri li jmorru lura sa żmien il-kavallieri, kollezzjonijiet ta’ muniti u karti tal-flus kif ukoll memorabilja sportiva fost oħrajn.