Hekk kif ħarġet minn kamritha fid-dar tal-anzjani tal-Imtarfa imdawra bil-familja, laqgħatna bi tbissima malli rat lil kulħadd imdawwar magħha biex jiċċelebraw l-għeluq il-100 sena.
Martha Agius, imwielda x-Xewkija Għawdex qaltilna li rħitilha lejn ir-raħal ta’ Birkirkira mal-familja tagħha ta’ għaxar snin minħabba n-nuqqas ta’ xogħol f’Għawdex. Spjegat li missierha kien jaħdem il-barrieri, u meta ġie biex jaħdem Malta, ġab lill-familja kollha miegħu.
Martha baqgħet tgħix f’Birkirkara wara li żżewġet lil Nazzareno Agius f’Settembru tal-elf disa’ mija u disa’ u tletin. Martha u Nazzareno kellhom lil Dione, l-uniku wild tal-koppja.
Martha li għadha b’saħħitha u luċida, qaltilna li d-dar fejn kienet toqgħod kellha ġnien fejn hemm kienet tqatta’ ħafna mill-ħin tagħha:
“Kont naħdem l-għalqa, kelli ġnien kbir u sabiħ u dejjem kont fih niżra l-ful u l-qarabgħali”.
Bi tbissima fuq fommha qalet li ta’ 96 sena kienet għadha tgħix fid-dar tagħha u kienet tagħmel kollox. Sa anke trabbi l-fniek u t-tiġieġ bħalma kienet tagħmel fl-imgħoddi:
“Kollox kont nagħmel jien, imbagħad waqajt, u ġejt l-isptar, u mill isptar ġejt hawn”.
Imdawra mal-familja tagħha, dehret kuntenta ħafna fid-dar tal-Imtarfa.
Qabel ħallejlniha staqsejna lil Martha s-sigriet ta’ għomor daqshekk twil, u bi tbissima qalet “Alla hekk ried!”.
Binha Dione qalilna li ommu għadha sal-lum ssegwi dak kollu li jiġri madwarha fuq l-aħbarijiet u l-gazzetti.
Intant fost l-awguri tal-istaff tad-dar tal-anzjani kien hemm ukoll is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis li ppreżentala bukkett fjuri biex ifakkar dan il-jum tant speċjali f’ħajjitha.