Il-Viċi Kap Nazzjonalista David Agius ikkonferma li l-Partit Nazzjonalista ma jagħmel l-ebda distinzjoni bejn il-Gvern u l-partiti politiċi u qal li dawn huma l-istess.
Dan waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha għal darba oħra l-Partit Nazzjonalista ħareġ jattakka l-istazzjon nazzjonali.
David Agius kontinwament deher igorr għaliex hu u sħabu d-deputati Nazzjonalisti mhux jidhru biżżejjed waqt l-aħbarijiet tal-PBS.
Filwaqt li saħansitra beda jqabbel il-ħinijiet li f’nofs siegħa bulettin jidhru hu u sħabu, huwa stqarr li pretenda li attività politika tal-Partit Nazzjonalista tingħata l-istess prominenza daqs it-tħabbira ta’ investiment multi-miljunarju mill-privat li ser joħloq mitt impjieg:
“Rajna l-aħbarijiet tat-tmienja tal-PBS jinvestu f’kollegament live waqt l-aħbarijiet stess biex juru l-Prim Ministru jħabbar proġett ta’ kumpanija privata, filwaqt li f’dak l-istess aħbarijiet kien hemm attività Q&A tal-Kap tal-Oppożizzjoni fil-pjazzez ukoll Maltin u din tingħata l-ġenb u tiġi rrappurtata fil-qosor fl-aħħar tal-aħbarijiet.”
ONE News staqsa dwar il-paragun odjuż ta’ David Agius:
“Semmejt it-tħabbira ta’ investiment multi-miljunarju fejn jidħol il-ħolqien ta’ mitt impjieg ġdid u imbagħad pretendejt li jsir kollegament ugwali minn attività politika tal-Partit Nazzjonalista. Jiġifieri dawn bejniethom m’hemmx paragun, iżda kienet tħabbira ta’ investiment li jolqot il-pajjiż kollu.”
Iżda għal David Agius il-ġurnalist kien skorrett għaliex skontu l-Gvern u l-Partiti politiċi huma l-istess ħaġa.
“Nifhem li inti qed taħseb li Gvern Laburista u l-Partit Laburista m’humiex l-istess ħaġa. Huma l-istess ħaġa. Huma l-Partit Laburista u l-Partit Laburista fil-Gvern.”
Hawnhekk Agius ikkonferma li l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern jerġa’ jirritorna għal mod li kien jaħdem qabel fejn ma kien hemm l-ebda seperazzjoni bejn il-Gvern u l-Partit.
Lura fl-2011 is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, dak iż-żmien Paul Borg Olivier kien għamel użu minn dokument kunfidenzjali tal-Kabinett waqt programm fuq l-istazzjon nazzjonali.
Dan tal-aħħar li llum ġmielu jidher iċapċap f’xi protesta, dak iż-żmien kien iddefenda lilu nnifsu billi jgħid li l-Prim Ministru Lawrence Gonzi kien awtorizzah li jagħmel dan, għalkemm in-natura tad-dokument bħal ma hu tal-Kabinett kienet waħda privata u kunfidenzjali u mhux li tispiċċa f’idejn Segretarju Ġenerali ta’ partit politiku.