Sfortunatament, matul ix-xhur sħan tas-sajf Malti, il-ħruq tal-għelieqi mhuwiex xi ħaġa rari li nisimgħu dwarha.
Madanakollu, wara li jitilqu l-pumpieri u l-uffiċjali li jassistu f’każijiet ta’ emerġenza bħal dawn, jibda proċess fejn dawk li jkunu ġarrbu d-danni jaraw kif se jiġu kkumpensati.
Għaldaqstant, huwa kruċjali li kull min ikollu proprjetà jkun żgur li din tkun assigurata bl-aħjar mod, irrispettivament mill-iskop li għalih tkun tintuża.
Id-dinamika tan-nirien li jinfirxu, speċjalment meta jkun hemm irjiħat fl-akwati, jagħmilha ħafna aktar komuni li terzi persuni jsofru danni fuq il-proprjetà tagħhom.
Dwar dan tkellimna mad-Direttur Ġenerali tal-Malta Insurance Association, Adrian Galea, li nnota li poloz tal-assikurazzjoni fuq proprjetajiet għal skopijiet agrikoli mhumiex daqstant imfittxija mill-pubbliku.
Qal, “Issib nuqqas ta’ interess jew anki forsi nuqqas ta’ prodotti mi-naħa tas-suq tal-assigurazzjoni dwar dan is-settur. Però, sfortunatament, naraw ġeneralment nuqqas ta’ interess għal dak li jkun biex joħroġ polza tal-assigurazzjoni fuq il-proprjetà tiegħu kważi kullimkien.”
Huwa spjega li d-differenza jekk wieħed ikollux assigurazzjoni jew le toħroġ biċ-ċar f’każijiet ta’ inċidenti fejn persuna jew persuni jsofru minn ħsarat fuq il-proprjetajiet rispettivi.
Qal, “Jekk is-sid tal-proprjetà ta’ ħdejja għandu polza tal-assigurazzjoni, ħafna drabi se jġiegħel lill-kumpanija biex titratta miegħi dwar dak il-kumpens li, f’dak il-każ, il-kumpanija tal-assigurazzjoni tibgħat lin-nies għandha, ir-rappreżentanti tagħha, biex jaraw id-danni li sofrejt jiena fil-proprjetà tiegħi u jiġi determinat il-kumpens mistħoqq.”
Iżda s-sitwazzjoni tista’ tikkumplika ruħa f’każ li l-partijiet ma jkunux assigurati kif suppost.
Qal, “Jista’ jkun illi dak ta’ ħdejja, il-proprjetarju, m’għandux polza tal-assigurazzjoni, jiġifieri f’dak il-każ x’se jkolli nagħmel jien? Ikolli nfittex lilu personalment. Li jfisser li ħafna drabi nispiċċaw nilletikaw il-Qorti u nafu li l-Qorti tieħu ż-żmien tagħha biex toħroġ bil-ġudizzju tagħha.”
Galea żied jgħid li l-aħjar sitwazzjoni tkun dik li l-partijiet kollha involuti jkollhom l-assigurazzjoni meħtieġa biex ikunu l-kumpaniji li jikkumpensaw lil dawk li jkunu sofrew danni minħabba terzi.
Id-Direttur Ġenerali tal-Assoċjazzjoni appella biex wieħed japprezza u jifhem l-importanza ta’ polza tal-assigurazzjoni, li wieħed jirrealizza l-utilità tagħha meta jinqala’ l-bżonn.