Hekk kif wasalna biex intemmu sena oħra, żgur mhux forsi għall-Jum tal-Milied wieħed jibda jaħseb x’jista’ jagħti bħala rigal lit-tfal jew lil qrabatu. Filwaqt li kif jgħid il-Malti l-ħsieb kollox, wieħed għandu jaħsibha darbtejn jekk jikkunsidra jagħti annimal bħala rigal.
Tkellimna ma’ Nevise Borg Caligari, magħrufa sew għal-leħen li toffri għad-drittijiet tal-annimali fejn spjegatilna kif l-annimali m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala rigal hekk kif iġibu rabta magħhom li kultant hemm min ma jaħsibx dwarha minn qabel.
Spjegat kif, “l-annimali m’għandhom qatt jiġu kkunsidrati bħala rigal. L-annimali huma kreaturi li meta nġibuhom rrid ikollna impenn kbir għalihom li nafu li se nrabbuhom sakemm il-bambin joħodomna. M’humiex rigal, qatt m’għandhom ikunu għax iġibu rabta kbira.”
Spjegatilna kif minkejja r-rabta li jġibu, l-annimali joffru biss imħabba u għalhekk qabel xi ħadd jikkunsidra li jġib annimal bħala parti mill-familja tiegħu għandu l-ewwel jara jekk hux kapaċi jżommu.
Qalet li, “però importanti, li wieħed jagħmel riċerka minn qabel iġib pet. Dan għaliex l-annimali għandhom ikunu tagħna għal ħajja twila, anzi nixtiquhom li tkun itwal kemm jista’ jkun għaliex il-weġgħa hi akbar meta nitilfuhom sfortunatament. Għalhekk għandha ssir riċerka jekk għandekx ħin biżżejjed għalihom, għandekx finanzi biex iżommhom. Wieħed dejjem għandu jistaqsi qabel u ma jagħmel xejn bl-għaġla.”
Riċerka fl-Amerika wriet kif għoxrin fil-mija ta’ dawk li kellhom annimal bdew jikkunsidraw li jagħtuh għall-addozzjoni din is-sena kawża ta’ problemi finanzjarji filwaqt li tlettax fil-mija taw l-annimali għal addozzjoni.
Għalhekk wieħed għandu jżomm f’moħħu l-qawl Malti dwar kif qattusa għaġġelija frieħ għomja tagħmel u jieħu l-ħin tiegħu billi jaħsibha sew qabel iġib annimal bħala parti minn familtu għal dan il-Milied b’differenza.