Fil-Padiljun Sportiv ta’ Raħal Ġdid għaddejin l-aħħar tħejjijiet biex il-Ġimgħa fis-sitta u nofs ta’ filgħaxija kulħadd huwa mistieden biex jattendi u jilqa’ lil Joseph Muscat li se jkun qed jagħmel l-aħħar diskors tiegħu bħala mexxej Laburista u Prim Ministru.
Dan l-istazzjon żar l-aħħar preparamenti fejn il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista Randolph De Battista stieden lil poplu li tant laqa’ lil Dr. Muscat tul is-snin tiegħu fil-ħajja pubblika biex jiġu jsegwu id-diskors ferm mistenni ta’ Joseph Muscat.
“Avveniment mill-isbaħ fejn fih inkunu qegħdin nisimgħu l-aħħar diskors ta’ Joseph Muscat bħala mexxej tal-Partit Laburista u bix-xieraq aħna rridu nkunu hawn biex nagħtuh ir-ringrazzjament tagħna u nagħtuh merħba sabiħa, tislima ta’ u grazzi ta’ dak illi għamel għall-Partit Laburista tul is-snin li ilu jmexxi lil dan il-partit.”
Dr. De Battista fakkar li dawn huma jiem importanti għall-Partit Laburista fejn wara l-jum tal-votazzjoni għall-elezzjoni ta’ mexxej ġdid, il-Kungress tal-Partit Laburista jagħlaq il-Ħadd bid-diskors tal-mexxej elett.
Hawn hekk ukoll il-poplu huwa mistieden biex jattendi u jagħti merħba lill-mexxej il-ġdid tal-Partit Laburista li anki se jkun qed imexxi lill-pajjiżna fis-snin li ġejjin.
“Il-Ħadd stess fl-erbgħa ta’ wara nofsinhar nerġgħu ningħaqdu hawnhekk u nħeġġeġ lil kulħadd biex jingħaqad hawnhekk ħalli nagħtu merħba lil mexxej il-ġdid tal-Partit Laburista li se qiegħed imexxi lill-partit u lill-pajjiż għas-snin li ġejjin.”