Bħal sajjetta fil-bnazzi fl-2016, Kenneth u Sharon Abela tilfu lil binhom ta’ għoxrin sena, Drew, kawża ta’ emoraġija fil-moħħ.
L-altruwiżmu li tant kien magħruf għalih Drew matul ħajtu, estenda wkoll wara mewtu meta ngħataw l-organi tiegħu.
Kenneth u Sharon spjegaw magħna kif bid-donazzjoni tal-organi, Drew baqa’ jgħix f’seba’ persuni u kif permezz tal-ġest tiegħu, dawn il-persuni setgħu ikomplu b’ħajjithom.
“Qed jgħix f’seba’ persuni oħra u grazzi għal dan l-altruwiżmu nafu tnejn minn dawn is-sebgħa li qed jgħixu. Dawn kontinwament jirringrazzjaw lil Drew talli tahom a second chance to life,” sostna s-Sur Abela.
Wara l-mewt ta’ binhom huma ħolqu l-kampanja Life After Drew bil-għan li jikber l-għarfien dwar id-donazzjoni tal-organi.
Life After Drew tħeġġeġ lil dawk li diġà esprimew ix-xewqa tagħhom li jagħtu l-organi tagħhom sabiex jieħdu ritratt u jtellawh fuq il-midja soċjali.
“Qed insejjħulu selfless selfie u jittagja lil Transplant Support Group Malta biex ikun hemm iktar awareness. B’hekk nagħmlu kuraġġ ‘il xulxin,” saħqet is-Sinjura Abela.
Il-kampanja Life After Drew hija waħda minn diversi kampanji u għaqdiet mhux governattivi li bbenefikaw mill-għajnuna li toffri l-fondazzjoni Marigold.
Fl-okkażjoni tal-ħames anniversarju mit-twaqqif tal-Fondazzjoni Marigold, s-Sinjura Michelle Muscat saħqet kif Il-Fondazzjoni Marigold se tgħin fl-isforzi tal-kampanja Life After Drew sabiex iktar nies jinfurmaw ruħhom fuq id-donazzjoni tal-organi. L-għan hu li iżjed nies jiddeċiedu li jagħtu l-organi tagħhom għal donazzjoni.
“Qiegħda tipprova tħajjar nies biex joffru l-organi tagħhom wara mewthom. Jiena illum ippledgjajt li ħa nkun qiegħda noffri wkoll l-organi tiegħi biex min jgħix warajja u jkollu bżonn l-organi tiegħi jkun jista jgħix u jkompli jgħix il-ħajja tiegħu mal-familja tiegħu,” qalet is-Sinjura Muscat.
Fil-preżenza ta’ diversi għaqdiet mhux governattivi li jaħdmu fil-qasam volontarju u soċjali, hija qalet li l-ewwel snin ta’ Marigold kienu snin ta’ tlugħ u nżul imma sodisfaċenti.
Is-Sinjura Muscat fakkret kif Marigold tgħin lil għaqdiet mhux governattivi kbar u żgħar li jaħdmu bla waqfien biex jgħinu lil dawk li jkollhom bżonn servizz partikolari.
Mix-xogħol li jsir igawdu mhux biss il-persuni li tingħatalahom l-għajnuna iżda anke dawk ta’ madwarhom.