Avveniment popolari kemm mal-komunità Maltija imma b’mod speċjali mat-turisti li jżuru l-gżejjer Maltin fix-xhur tas-sajf, u li kien ta’ suċċess għal dawn l-aħħar tliet snin, il-Karnival tas-Sajf se jkun organizzat għal darb’ oħra bejn il-Ġimgħa 19 u l-Ħadd 21 ta’ Awwissu.
Għall-ewwel darba f’dawn l-erba’ snin, il-festi ta’ din is-sena se jinkludu parata tal-karnival tul ix-xatt ta’ Wied il-Għajn il-Ħadd 21 ta’ Awwissu mis-19:00 ‘l quddiem. Din hija l-ewwel darba li l-karnival tas-sajf se jkun organizzat ukoll fin-naħa t’isfel tal-gżira, biex b’hekk, kemm il-parteċipanti kif ukoll dawk li jkunu fl-inħawi jkunu jistgħu jgawdu l-attivitajiet ferrieħa u mimlija ħajja f’partijiet differenti tal-gżira.
Il-bqija tal-programm se jsir bħas-soltu f’Buġibba, żona popolari mat-turisti fejn fi ftit żmien, il-karnival tas-sajf qed isir avveniment mistenni ta’ kull sena.
Kemm il-Ġimgħa 19 kif ukoll is-Sibt 20 ta’ Awwissu, se tssir il-ġostra tradizzjonali fil-bajja ta’ taħt il-pjazza ta’ Buġibba. Wara, jkun hemm défilé u parata tal-karnival tul it-toroq ewlenin ta’ Buġibba. Il-ġostra hija logħba tradizzjonali li tmur lura għal żmien il-Kavallieri. Il-kelma ġostra ġejja minn giostra bit-Taljan, li tfisser logħob kompetittiv.
Għalina l-Maltin, però, tfisser dik il-logħba fejn arblu twil midluk bix-xaħam jintrama fuq barkun jew moll. Il-kompetituri, imbagħad, jitilgħu miegħu biex jilħqu bnadar li jkunu tpoġġew man-naħa ta’ fuq tiegħu biex jirbħu premju, filwaqt li dawk li jiżolqu jispiċċaw fil-baħar.
Din is-sena, se jipparteċipaw fid-défilé u fil-parata tal-karnival seba’ kumpanniji taż-żfin bil-kostum. L-atmosfera tkompli tingħata l-kulur permezz ta’ ħdax-il karru tal-karnival ġdid li nħolqu apposta għal din l-attività. Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Karnival tas-Sajf huma organizzati mill-Kunsill Malti għall-Arti bis-sapport tal-Fondazzjoni Valletta 2018, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, u l-kunsilli lokali ta’ San Pawl il-Baħar u ta’ Wied il-Għajn.
https://youtu.be/ZYprnkqe8Io