Kumpanija li tispeċjalizza f’servizzi ta’ diżinfezzjoni, għaddejja b’ħidma biex tiffumiga iż-żoni pubbliċi tar-residenzi tal-anzjani kollha.
Fuq bażi volontarja, il-kumpanija bdiet b’din il-ħidma mir-Residenza ta’ San Ġużepp u fil-ġranet li ġejjin ser tkompli l-bqija tar-residenzi.
Id-Direttur Maniġerjali tal-kumpanija Jason Degiorgio stqarr li dawn is-servizzi qed jingħataw biex huma wkoll jgħinu fil-ġlieda kontra l-COVID-19 fl-istess waqt li jiġi assigurat il-benessere tal-anzjani.
Is-Sur Degiorgio stqarr: “Sanondaf il-kumpanija li tispeċjalizza fid-diżinfettazzjoni li llum ngħaqdet mal-Gvern biex tiġġieled kontra l-battalja qerrieda tal-COVID-19 inserrħu moħħ l-anzjani ta’ Malta u Għawdex biex ikunu protetti kull ħin u kull mument.”
Is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis faħħar il-proattività ta’ din il-kumpanija, li qed tissarraf f’ġest nobbli f’dan iż-żmien diffiċli.
Is-Segretarju Parlamentari Parnis sostna: “Ix-xogħol sar fuq barra tad-djar tal-anzjani għaliex ħadna ħsieb ukoll illi ġewwa ma jidħlux persuni oħra biex kemm jista’ jkun noħorġu minn din l-isfida li laqtet lid-dinja kollha.”
Biex f’dan il-mument ta’ prova għall-komunità Maltija, kulħadd qed jingħaqad u jagħmel il-parti tiegħu biex juri kemm verament il-poplu Malti għandu qalb li taf tħobb u tgħin.