Wara snin iħit l-armar tal-festa issa spiċċa iħit il-maskri li se jkunu qed jitqassmu għall-pubbliku b’xejn. Dan hekk kif id-dilettanti tal-festa tal-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel f’Ħaż-Żabbar qed iħitu ammont ta’ maskri sabiex jitqassmu liż-Żabbarin waqt l-imxija tal-Coronavirus. Il-każin beda jqassam xi mkatar tal-festa li jistgħu jintlibsu bħala maskra u d-domanda kienet kbira ħafna.
Il-ħajjat Joseph Ciantar spjega ma’ dan l-istazzjon kif qatt ma ħaseb li erba’ xhur qabel il-ġimgħa tal-Festa tal-Madonna tal-Grazzja kellu jispiċċa iħit il-maskri. Dan hekk kif bħalissa s-soltu jkun f’ġirja mal-ħin sabiex iħit xi biċċa armar ġdida tal-festa sabiex jissorprendi lil partitarji fil-ġimgħa tal-festa.
Huwa spjega: “Bdejna dan il-proġett żgħir u fl-istess ħin inkunu t’għajnuna għal kulħadd hux.”
Filwaqt li stqarr li huwa ddiżappuntat għall-fatt li mhux ser ikun jista’ jgawdi l-ġimgħa tal-festa, stqarr li mill-morr jista’ joħroġ xi ħaġa ħelwa u s-sorpriża tal-festa li jmiss tkun waħda ikbar.
Joseph sostna: “Mhijiex oġġett ta’ ferħa li l-festa ġiet kif ġiet imma naħseb għalina qiegħda, qisek bħalma ngħidu, vantaġġ li iktar għandek ix-xogħol imbagħad toħroġ b’sorpriża akbar għax dan it-tip ta’ xogħol speċjalment tal-festi irid is-snin u jrid is-sigħat.”
Għalhekk ħallejna lil Joseph iħit il-maskri filwaqt li jfassal f’moħħu x’sorpriża tal-armar se jilħaq iħejji sal-festa tas-sena d-dieħla.