Is-sena elfejn tnejn u għoxrin kienet is-sena magħrufa għall-irkupru tar-ristoranti mill-effetti tal-pandemija, iżda magħrufa wkoll għall-isfidi mondjali li ġabet magħha l-gwerra fl-Ukrajna. Minkejja dan, ir-ristoranti f’pajjiżna xorta waħda kellhom sena liema bħala, speċjalment fi żmien tal-festi.
Fl-ewwel jum tas-sena l-ġdida, ONE News tkellem ma’ Malcolm Bartolo, li huwa kok rinomat sid tar-ristorant.
Huwa stqarr li x-xahar ta’ Diċembru kien wieħed tajjeb għan-negozju, u b’mod simili, minkejja l-isfidi ta’ kull sena, l-eflejn tnejn u għoxrin kienet ukoll sena tajba.
“Meta tikkumpara mal-aħħar sentejn, bilfors hemm irkupru. Il-ħanut tiegħi huwa żgħir ħafna, bl-ispazju li kellna waqt il-pandemija, il-ħanut kien jesa’ xi sittax-il mejda. Meta neħħejna dawk ir-restrizzjonijiet ġie jerġa’ jesa’ kemm suppost, li huwa numru li jagħmel in-negozju sostenibbli.”
Malcolm stqarr magħna kif minħabba li r-ristorant tiegħu huwa wieħed żgħir, fl-aħħar snin ir-ristorant sar parti minn tradizzjoni għal familja partikolari li tagħżel li tqatta’ l-ġurnata tal-Milied u l-ewwel tas-sena fih.
“Fl-aħħar sentejn kien hawn familja kbira li tant kibret bin-neputijiet li m’għadiex issir fid-dar l-ikla, u jien sirt niftaħ għalihom biss. Iġifieri dawn ikunu mejda ta’ madwar ħamsa u għoxrin persuna bin-neputijiet, il-ħanut kollu għalihom, inkunu ftehmna menu tliet xhur ilu. Dawn bażikament, li xtaqu jieklu d-dar se jiekluh hawn mingħajr ma jkollhom jarmaw, iżarmaw jaħslu. Bażikament hija ikla ta’ familja.”
Dwar dak li qed jistenna lilu u r-ristorant tiegħu fis-sena l-ġdida, Malcolm qalilna li qed iħares lejn il-futur b’mod ottimist, minkejja d-diffikultajiet li naturalment jinqalgħu.
“Jekk toqod issegwi ħafna l-aħbarjiet, ħa timla rasek li ġejja sena ħażina, imma int trid tkun pożittiv inti, tgħid issa naraw x’ġej. Għaddejna sentejn pandemija, ħa ngħaddu din ukoll, iġifieri we hope for the best u naraw minn hemm.”