Kienu bosta li saru jafu bih meta waqqaf f’pajjiżna Fondazzjoni li tgħin persuni bl-ALS. Illum huma bosta li jħarsu lejh u jammiraw id-determinazzjoni u r-rieda li għandu biex jwettaq il-ħolm tiegħu akkost id-diffikultajiet kollha li jsib ma’ wiċċu ta’ kuljum.
Minkejja li n-nifs tqal u l-ġranet saru iżjed iebsin għalih, Bjorn Formosa sab ftit ħin biex jitkellem ma’ ONE News. Stqarr magħna li minkejja li saħħtu qiegħda dejjem taqta’ lura, ftit li xejn jaħli ħin fl-irqad, u jiddedika ħinu biex jwettaq il-ħolma tiegħu – dik li jitfaħ it-tieni dar għal persuni morda bl-ALS.
“Norqdu ftit sigħat u nqumu bil-ħidma sa tard bil-lejl u nibqgħu għaddejin. Biex tkun tistà tagħmel ċertu proġetti trid tiddedika ħafna ħin minn ħajtek, imma sodisfatt li x-xogħol, l-input li nitfgħu fih qed jagħti r-riżultati.”
Iżda t-triq ‘ il quddiem għal Bjorn mhux waħda faċli. Fi ftit jiem se jidħol għal intervent li jistà jkun sikkina li taqtà minn żewġt naħat – jekk jagħmlu hemm riskju li ma jibqax jitkellem u jekk ma jagħmlux hemm probabiltà kbira li jmut fi ftit jiem.
Iżda minkejja kollox, Bjorn stqarr magħna li se jidħol għal din l-operazzjoni b’kuraġġ biex ikun jistà jkompli jwettaq il-proġetti ambizzjużi li għandu f’moħħu.
“Qiegħdin ftit biss jiem ‘il bogħod minnha. Il-ħaġa hi li wasalt f’punt f’ħajti diffiċli mmens li jekk ma nagħmilx din l-operazzjoni fi ftit jiem, immut. Hi operazzjoni li rrid nagħmilha nkella t-triq l-oħra hija l-mewt. Mhix deċiżjoni faċli li rrid nieħu.”