Il-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa biex fejn hu possibbli ikun evitat li persuni joħorġu mid-dar, speċjalment l-anzjani, qiegħed jinstema’.
F’waħda mill-ikbar pjazez f’pajjiżna iddomina andament ferm iktar kajman mis-soltu.
Bil-ftit li ħarġu għal xi qadja, jidher ċar li l-maġġoranza tal-poplu qiegħed isegwi d-direttivi u l-pariri tal-awtoritajiet.
Ċertu ħwienet fil-pjazza qed jiġu affettwati minħabba din is-sitwazzjoni.
Sid ta’ ħanut ta’ żaben qal ma’ dan l-istazzjon: “Jekk għamilna żewġ sales kollox illum ħafna. Is-soltu nbiegħ 25-30 par f’ġurnata. Illum tnejn l-iktar.”
Ħwienet meqjusa bħala essenzjali bħall-ispiżeriji xorta kellhom andament tajjeb. Filwaqt li Julian Fearne li hu spiżjar sostna: “Kulħadd qed jaħseb biex jilqa’ għall-mard u għad-deni li jġib miegħu l-Coronavirus. L-iktar affarijiet li qed jimxu s-sanitisers biex dak li jkun dejjem ikun preparat u jilqa’ għall-affarijiet li jwasslu għad-deni u jaraw kif jistgħu jilqgħulu.”
Sentiment simili f’ħanut tal-ħaxix faċċata tal-Knisja ta’ Kristu Re. Bejjiegħa oħra sostniet: “Lanqas waqafna, kellna nżommu l-kju barra. Kulħadd jaħseb, il-ħin kollu għaddejjin.”
Fil-vetrini u l-bibien ta’ diversi ħwienet kien hemm diversi twissijiet sabiex in-nies jieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa qabel jidħlu fil-ħanut.
Kien hemm ukoll ittanta xortih jara jekk il-Knisja hix miftuħa biex jgħid xi posta rużarju, kif ukoll oħrajn li marru jiġbdu l-flus mill-ATM, fejn in-nies qagħdu attenti u żammew distanza notevoli bejnithom.