L-iskola Primarja tal-Qawra qegħda tinbena u waslet fi stat avvanzat. Dan sostnih ma’ ONE NEWS il-Kap tal-Kulleġġ Maria Reġina Patrick Decelis.
“L-iskola tal-Qawra qed tinbena u waslet fi stat avvanzat.”
Tul dawn l-aħħar erba’ snin, il-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar rat żieda fil-popolazzjoni. Kien għalhekk li erba’ snin ilu nbnew klassijiet mgħammra b’sistemi tekonoloġiċi u interattivi.
Il-klassijiet jinkludu interactive white boards, sistema ta’ arja kkundizzjonata, kif ukoll aċċess għall-kmamar tal-banju skont l-ogħla standards Ewropej.
Apparti l-bankijiet tal-iskola, f’kull klassi hemm spazju għal-librerija.
Is-Sur Decelis qal għall-kuntrarju tal-impressjoni li qed tingħata, dawn il-klassijiet huma attrezzati tajjeb ħafna għat-tagħlim tal-istudenti.
“Il-pre fabricated classrooms li wzajna hemmhekk ma sarux biex ma nibnux skola. Jieħdu inqas żmien biex tibda tużahom- huma ‘state of the art.’ Fihom acs, toilets, twieqi- kollox, ‘intractive whiteboards.’ Attrezzati tajjeb ħafna bħal klassijiet oħra li huma mibnijin bil-ġebel.”
Il-Prinċipal għamilha ċara li dawn il-klassijiet m’humiex ser jiżdiedu ħalli b’hekk l-istudenti jkomplu jgawdu l-ħin rikreattiv tagħhom fil-bitħa tal-iskola.
“F’San Pawl il-Baħar kif inhuma l-affarijiet m’hemm l-ebda pjan li jizdiedu dawn il-pre fabricated classrooms- issa mhux ser ikun hemm dik id-deċiżjoni għaliex l-ispazju għal-logħob- il-btieħi jridu jibqgħu kif inhuma.”
Huwa saħaq li mindu ġew introdotti dawn il-klassijiet, l-istudenti fl-iskola komplew għaddejjin bl-istudji tagħhom fejn ta’ kuljum qegħdin jitħarrġu bl-aqwa għodda possibbli biex jisfruttaw il-potenzjal kollu tagħhom.