B’investiment ta’ kważi żewġ miljun ewro, miexi ġmielu l-proċess sabiex jinbidlu t-transformers fiċ-ċentru tad-distribuzzjoni tal-Enemalta f’Ħal Tarxien.
Dan iċ-ċentru mhux biss iħares il-provvista taż-żona industrijali f’Bulebel, iżda huwa mqabbad ukoll ma’ mija sitta u sittin substation bejn il-Kottonera u Ħal Luqa.
Dan iċ-ċentru ta’ distribuzzjoni tal-elettriku huwa meqjus bħala wieħed importanti għaliex iforni l-elettriku lil bosta fabbriki fiż-żona.
Ix-xogħol ta’ żarmar ta’ wieħed mit-tliet transformers f’dan iċ-ċentru beda ftit tal-jiem ilu u fi ftit ġimgħat dan tneħħa u ġie armat transformer tal-aqwa kwalità, liema transformer mistenni jibda jaħdem fl-aħħar ta’ Ġunju.
Fuq il-post, il-Manager tal-Manutenzjonijiet fi ħdan l-Enemalta, l-Inġinier John Caruana spjega kif dan it-transformer il-ġdid mgħammar b’sistemi ta’ moniteraġġ li jagħmel ix-xogħol tal-Enemalta ferm aktar effiċjenti.
Caruana stqarr, “It-transformer għandha apparat partikolari li apparti li jista’ jikkoreġi il-vultaġġ b’mod awtomatiku, għandu fuqu wkoll apparat li jista’ jissorvelja l-kwalità taż-żejt li normalment, jittieħed sample u jintbagħat barra u jerġa’ jiġi lura bir-riżultati. Bis-sistema l-ġdida qegħdin naraw il-kwalità taż-żejt kuljum u f’każ li tinbidel il-kwalità aħna nirċievu messaġġ fil-control room u nkunu nistgħu nieħdu azzjoni b’mod immedjat.”
Min-naħa tiegħu, il-Manager tad-Diviżjoni kkonċernata, Karl Cilia qal li dan il-proġett kien wieħed metikoluż hekk kif kellhom jitmexxew ż-żewġ transformers ta’ kważi ħamsin tunnellata kull wieħed.
Cilia spjega, “Il-proġett kien maqsum fi tnejn. L-ewwel parti tal-proġett kien l-iżżarmar tat-transformer antik li kellu l-kapaċità ta’ 22.5MVA u t-tieni parti tal-proġett kien il-wasla u l-armar tat-transformer il-ġdid li għandu kapaċità ta’ 30MVA.”
Iż-żewġ transformers li għadhom iridu jaslu fuq il-post u jitqabbdu mas-sistema, huma mistennijja jibdew jaħdmusal-aħħar ta’ din is-sena sabiex ikunu jistgħu ilaħħqu mad-domanda li dejjem qed tiżdied.