Matul din is-sena, l-aġenzija Festivals Malta qed tipproduċi ħames filmati bi stejjer qosra sabiex toħloq aktar għarfien dwar il-festi nazzjonali. Huma jġibu l-isem “Ġrajjiet Li Sawwruna, Niċċelebraw lil Malta.”
Fi stqarrija, Festivals Malta spjegat li dan il-proġett qed jiġri mniedi permezz tal-ewwel produzzjoni li huwa marbut b’viżwal dwar Jum il-Ħelsien; li hija l-ewwel festa Nazzjonali tas-sena.
Wara l-filmat tal-festa tal-Ħelsien se joħorġu l-kumplament tal-filmati; f’Ġunju – is-Sette Giugno, f’Settembru – Jum il-Vitorja u Jum l-Indipendenza u f’Diċembru – f’Jum ir-Repubblika.
Dawn il-filmati se jiġu mxandra fuq l-istazzjonijiet lokali u anki fuq il-pjattaforma soċjali ta’ Festivals Malta.
Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta Aaron Zahra qal li “bħala aġenzija Nazzjonali, Festivals Malta għanda d-dover li mhux biss torganizza dawn l-avvenimenti tant importanti għal Pajjiżna bħala nazzjon, imma li tieħu ħsieb wkoll li tnissel sentiment ta’ patrijottiżmu fil-poplu Malti u Għawdxi, fejn il-poplu jkun mgħarraf tajjeb u kburi b’dak kollu li huwa parti fundamentali mill-identità tagħna bħala pajjiż.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta Annabelle Stivala qalet li “l-għan ewlieni ta’ dawn il-filmati hu li jinħoloq iktar għarfien u li nħajjru n-nies, speċjalment it-tfal tagħna, biex ifittxu iktar informazzjoni dwar dawn il-festi, u permezz ta’ hekk inkunu qed nilħqu għan ieħor, dak edukattiv.”
F’din l-istqarrija ntqal li din il-kampanja hija biss waħda mill-inizjattivi ta’ tiġdid li Festivals Malta se jkun qed iwettaq sabiex jagħmel il-festi Nazzjonali aktar aċċessibbli u aktar relevanti għaż-żminijiet tal-lum.