Kollox patata.
Le, ħadd mhu se jkun f’sakra ma jarax art.
Is-sitt edizzjoni tal-Festival Agrarju tal-Patata se jsir il-Ħadd sebgħa u għoxrin ta’ Mejju f’Misraħ il-Maqluba fil-Qrendi.
Hekk kif morna f’għalqa fejn kienet qed tinqala’ l-patata għal dan il-festival ġie spjegat li din l-attività se ssir matul il-ġurnata kollha u se jkun hemm il-prodott lokali tal-patata bħala l-attrazzjoni prinċipali.
Fost l-oħrajn se jkun hemm għadd ta’ bdiewa li se jispjegaw kif tinqala’ l-patata u se jiġi esebit makkinarju ta’ dari li kien jintuża biex tinqala’ l-patata mill-uċuh tal-art.
Waqt l-attività se jinbiegħu għadd ta’ prodotti magħmula mill-patata fosthom sushi tal-patata u ġelat tal-patata.
Waqt din l-attività, permezz t’għajnuna imprezzabli mill-Kunsill Malti għall-Arti u l-Ministeru responsabbli mill-Kultura, se jkun ukoll hemm numru t’għannejja u żeffiena tal-flamenco.
Se jsir ukoll tberik tal-annimali, wirja tal-klieb tal-pulizija filwaqt li l-mistiedna speċjali mix-xena tal-ispettaklu se tkun l-ambaxxatriċi Maltija għall-Eurovision, Christabelle.
Intant kull min se jattendi għal dan il-festival se jkun jista’ jieħu biljetti biex dakinhar stess iżur it-tempji ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra bil-prezz imnaqqas ta’ żewġ ewro.