Tfal tal-Primarja miż-żewġ skejjel fl-Imsida, il-Ħamis filgħodu kienu protagonisti f’ċelebrazzjoni ħelwa f’ġieħ il-patrun tal-lokalità, San Ġużepp, li l-festa tiegħu tiġi ċċelebrat madwar il-pajjiż nhar it-Tlieta 19 ta’ Marzu.
L-attività mtella’ għat-tieni sena konsekuttiva mill-Kunsill Lokali tal-Imsida, b’kollaborazzjoni mal-Għaqda Melita Banda San Ġużepp, l-Għaqda tal-Armar u l-Parroċċa stess, bdiet b’quddiesa tal-okkażjoni, immexxija mill-Arċipriet Dun Mario Mifsud.
Hawnhekk l-għexieren ta’ tfal preżenti mill-Iskola Primarja tal-Gvern fil-Kulleġġ Santa Tereża u l-oħra tal-Knisja ta’ San Franġisk ħolqu spirtu animat fil-quddies b’kant reliġjuż u ċelebrazzoni ferriħija.
Staqsejna lill-Arċipriet innifsu dwar is-sinifikat tal-attività.
“Hawnhekk l-Imsida hi popolazzjoni partikolari, fis-sens li Maltin hawn inqas minn 40%, tfal ma tantx hawn jiġifieri. Allura nieħdu ftit l-okkażjoni biex, bħal din festa liturġika ta’ San Ġużepp, norganizzaw attività għat-tfal ħalli b’xi mod indaħħluhom fl-ispirtu tal-festa parrokkjali...Fl-iskola tal-Gvern hemm maġġoranza li huma barranin. U dawn ovvjament ma jkunux daqshekk integrati mal-ħajja ċivili, reliġjuża, anke jekk ikunu Kattoliċi wkoll. Allura b’xi mod aħna nipprovaw nintegrawhom aktar, ħa ngħidu hekk fil-ħajja soċjali tagħna u reliġjuża. Allura din iċ-ċelebrazzjoni tilħaq ukoll dan l-iskop.”
Eżatt wara l-quddiesa, imbagħad, bdiet il-purċissjoni bl-istatwa żgħira ta’ San Ġużepp, li nġarret ukoll mit-tfal madwar it-toroq tal-lokal.
Waqt il-ħruġ tal-vara, ma naqqsitx lanqas esebizzjoni żgħira ta’ logħob tan-nar minn fuq ix-xatt quddiem il-Knisja.
Takkumpanja dan kollu, u anke fil-purċissjoni, kien hemm il-banda tal-lokal li, sa minn fuq iz-zuntier tal-Knisja, daqqet marċi sinonimi mal-festa Maltija, li llum hi wkoll rikonoxxuta bħala patrimonju dinji tal-UNESCO.
F’kummenti lil ONE News, il-Kunsillier Misidjan Jean Claude Borg qalilna kif l-iskop tal-inizjattiva hu li titrawwem l-imħabba lejn it-tradizzjonijiet Maltin, inkluż il-festa maħbuba ta’ San Ġużepp.
“Din l-attività qed tkun it-tieni sena li qed tiġi organizzata. L-attività ssir ukoll fis-sajf li tkun marbuta mal-festi li jsiru f’San Ġużepp f’Lulju...Fihom dawn l-attivitajiet, lit-tfal tagħna, inrawmuhom u nuruhom kif għandhom iħobbu t-tradizzjonijiet u l-wirt reliġjuż li għandna aħna l-Maltin.”