B’investiment ta’ mitt miljun ewro, il-linja tal-ajru Ryanair – li ġġorr l-akbar amont ta’ passiġġieri minn u lejn Malta, se tibbaża f’pajjiżna ajruplan ieħor; biex b’kollox se jkollha sitt ajruplani bbażati f’Malta.
Dan biex tlaħħaq mad-domanda tal-passiġġieri, li mistennija jiżdiedu b’aktar minn tliet mitt elf wara li waqt li tnediet l-iskeda tar-Ryanair għas-sajf li ġej, tħabbru għaxar rotot ġodda – li se joperaw matul is-sena kollha u mhux biss fis-Sajf.
Ir-rotot il-ġodda huma:
-Cardiff (Ingilterra)
-Exeter (Ingilterra)
-Cork (Irlanda)
-Lamezia (Italja)
-Perugia (Italja)
-Luxembourg (Lussemburgu)
-Maastricht (Olanda)
-Nantes (Franza)
-Oslo Trop (Norveġja)
-Thessaloniki (Greċja)
Il-Ministru tat-Turiżmu qal li “d-destinazzjonijiet li għażlu jirriflettu l-ħtiġijiet ta’ Malta u ħdminihom flimkien mal-Malta Tourism Authority hekk kif se nkomplu nsaħħu l-Ingilterra li not withstanding Brexit se nżidu rotot fl-Ingilterra, l-Irlanda, qed naħdmu fuq il-Greċja, qed naħdmu fuq l-Italja, Franza u l-Ġermanja, l-Olanda imma se niftħu wkoll swieq ġodda bħalma huwa dak ta’ Oslo Torp fin-Norveġja li huwa importanti għall-pajjiż.”
Biex issa, ir-rotot tar-Ryanair matul l-iskeda tas-Sajf ilaħħqu l-wieħed u sittin. Bihom, il-linja tal-ajru qed taspira li jkollha żieda ta’ ħmistax fil-mija fil-passiġġier biex f’sena tkun ġarret it-tliet miljuni u mitt elf passiġġier.
Dawn ir-rotot mhux biss se jġibu lejn Malta aktar turisti, iżda se jżidu d-diversità fl-għażla għall-Maltin meta jiġu biex jippjanaw il-btala tagħhom.