Erbat elef u mitejn persuna pożittivi għall-Covid-19 jew fi kwarantina llum jistgħu jivvotaw f’seba’ postijiet tal-votazzjoni apposta. Persuni pożittivi u fi kwarantina jistgħu jivvotaw permezz ta’ drive through, u ċ-ċentri li huma maqsuma f’żewġ partijiet li jisseparaw lil dawk pożittivi għall-virus minn dawk fi kwarantina.
- Fiċ-Ċentru ta’ Smart City qed jivvotaw dawk tat-tieni u r-raba’ distrett.
- Fiċ-Ċentru tal-MCAST f’Raħal Ġdid qed jivvotaw dawk tal-ewwel u s-sitt distrett.
- Fiċ-Ċentru ta’ ħdejn il-Motherwell Bridge f’Ħal Far se jivvotaw dawk tat-tielet u l-ħames distrett.
- Fiċ-Ċentru ta’ ħdejn l-outdoor gym f’Ta’ Qali se jivvotaw tas-seba’ u l-ħdax-il distrett.
- Fiċ-Ċentru tal-Park and Ride f’Pembroke se jivvotaw dawk tal-għaxar u t-tnax-il distrett.
- Fiċ-Ċentru tal-Life Sciences Park f’San Ġwann se jivvotaw dawk tat-tmien u d-disa’ distrett.
- Filwaqt li fiċ-Ċentru tax-Xħajma fix-Xewkija Għawdex se jivvotaw dawk tat-tlettax-il distrett.
Ma’ dawn żdied ukoll iċ-Ċentru tal-votazzjoni fl-Isptar Mater Dei li fih se jivvotaw dawk pożittivi u li qed jinżammu fl-Isptar u dawk li ddaħħlu l-isptar minn wara nhar it-Tnejn.
Il-voti ta’ dawk li se jivvotaw fiċ-Ċentri tal-COVID se jkunu qed jinfetħu u jiġu skenjati b’mod separat mill-bqija tal-voti hekk kif il-persuni li se jgħoddu l-voti ta’ dawk pożittivi jew fi kwarantina se jkunu lebsin ilbies protettiv.
Dawn imbagħad jiġu kkalkulati mal-bqija tal-voti permezz tas-sistema elettronika.