Hekk kif it-temp qed jisħon, u l-aptit biex tmur sal-baħar dejjem aktar jiżdied, min għandu kelb bħala membru tal-familja żgur mhux forsi jkun jixtieq jieħdu miegħu.
Iżda biex il-kelb ikun jista’ jgħum flimkien miegħek, wieħed irid imur f’bajja li fiha l-klieb jitħallew jgħumu mingħajr ħadd fil-madwar ma jilmenta.
F’inizjattiva li ttieħdet fl-2013 mis-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet tal-annimali kienu ddikjaraw numru ta’ bajjiet lokali bħala bajjiet li fihom il-klieb jistgħu jitħallew jgħumu – bis-sidien tal-klieb ikunu konformi mal-liġi.
Dawn huma il-bajjiet li fihom il-klieb jistgħu jgħumu:
- it-Torri l-Abjad qrib il-Mellieħa,
- il-Bajja tar-Rinella fil-Kalkara,
- il-Bajja tal-Imġiebaħ f’Selmun,
- Żonqor Point f’Marsaskala
- Marsaxlokk qrib Il-Maghluq
- Marsaxlokk f’Xatt is-Sajjieda
- Il-kosta qrib il-Bajja tax-Xwejni
- l-Aħrax qrib iż-żona tal-ikkampjar fil-Mellieħa.
- Daħlet ix-Xmajjar fil-Mellieħa,
- Baħar iċ-Ċagħaq wara l-iSplash and Fun;
- Tas-Sliema qrib ix-Chalet l-Antik
- Tigné Point f’Tas-Sliema;
- Marsalforn fiż-żona Ta’ Xjeni
- Mġarr ix-Xini f’Għawdex
- Triq il-Batterija f’Żebbuġ, Għawdex.
Kull waħda minn dawn il-bajjiet huma mmarkati bi plakka tal-ħadid b’regoli li wieħed għandu jsegwi fosthom li l-kelb għandu jinżamm biċ-ċinga jekk ma jkunx fil-baħar, li wieħed għandu jieħu ħsieb l-imġieba tal-kelb tiegħu u li s-sid tal-kelb irid jagħmel mezz li jnaddaf wara l-kelb tiegħu.