B’27 destinazzjoni, u 300 titjira fil-ġimgħa, l-Air Malta bdiet topera l-iskeda tagħha għal din ix-xitwa. Skeda ambizzjuża li rat żieda ta’ disa’ destinazzjonijiet fuq is-sena li għaddiet, tlieta minnhom ġodda.
Bosta mir-rotot ġodda li tħabbru fl-aħħar sena kienu ta’ suċċess u se jinżammu matul ix-xitwa wkoll, fosthom:
- Lisbona fil-Portugall;
- Malaga fi Spanja;
- Cagliari fi Sqallija;
- Casablanca fil-Marokk,u
- Kjiv fl-Ukrajna.
Iż-żewġ rotot li jitilqu minn Katanja, lejn Vjenna u Londra, bħala parti minn suq ġdid li daħlet fih l-Air Malta fl-aħħar xhur paripassu mal-istrateġija tagħha li ssir il-linja tal-ajru tal-Mediterran, ukoll se jinżammu matul ix-xitwa.
Sadanittant, is-suq Ġermaniż, li għal numru ta’ snin kien protagonist fis-suċċess kemm tal-linja tal-ajru kif ukoll tat-turiżmu fil-pajjiż, se jingħata aktar importanza.
Filfatt, it-tliet destinazzjonijiet ġodda fl-iskeda tax-xitwa huma t-tlieta Ġermaniżi:
- Berlin;
- Leipzig, u
- Hamburg.
Biex b’titjiriet doppji kuljum lejn Munich, ħames titjiriet fil-ġimgħa lejn Frankfurt u żewġ titjiriet fil-ġimgħa lejn Dusseldorf, l-Air Malta se tkopri s-suq Ġermaniż b’50 tluq kull ġimgħa minn u lejn sitt ajruporti.
Dan kollu filwaqt li żżomm titjiriet diretti lejn bliet ewlenin fl-Ewropa, fosthom Amsterdam, Brussell, Londra, Ruma, Pariġi u Zurich. Kif ukoll Tuneż fl-Afrika.
Minħabba ż-żieda fil-frekwenzi u destinazzjonijiet ġodda, din ix-xitwa l-Air Malta se topera bi flotta ta’ disa’ ajruplani.
Biex fi sfond ta’ żieda bla preċedent fit-traffiku tal-passiġġieri, u rekord li jiżboq lil ta’ qablu, l-Air Malta għandha skeda li tiggarantixxi aktar suċċess li jkompli jibni fuq dak miksub fix-xhur tas-sajf.