F’wieħed mis-sulari taħt l-art tal-Isptar Mater Dei hemm id-Dipartiment tal-Medical Records, li f’għexieren ta’ swali, għandu r-rekord mediku ta’ madwar sitt mitt elf pazjent.
Il-ħaddiema f’dan id-Dipartiment jieħdu ħsieb iż-żamma ta’ kull rekord mediku ta’ kull pazjent li jirfes l-għatba tal-isptar – kemm jekk Malti, Għawdxi jew turist, tarbija jew anzjan.
F’dan id-Dipartiment jidħlu u joħorġu mal-ħamest elef file kuljum. Medja ta’ disgħin elf kull xahar.
Margaret Baldacchino Cefai, Quality Service Officer tad-Dipartiment, spjegat li ta’ kuljum jaħdmu b’sinerġija maċ-Ċentri tas-Saħħa, mal-Isptar t’Għawdex, u mar-Residenza San Vinċenz de Paule, fost l-oħrajn.
“Għandna sistema fejn aħna nipprintjaw ukoll l-appuntamenti tal-Health Centres għax hemm minnhom appuntamenti li jsiru hawn minħabba li f’ċertu Health Centres isru operations allura dawk irridu nissuplixxu l-files aħna.”
Minbarra ż-żamma tal-files – li jinkludu kull informazzjoni medika tal-pazjent inkluż riżultati ta’ testijiet diversi, il-ħamsin ħaddiem fid-Dipartiment jieħdu ħsieb ukoll l-istampar tal-appuntamenti kollha tal-outpatients biex meta l-pazjent imur l-isptar, isib l-informazzjoni kollha lesta.
Waqt żjara fil-Medical Records, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, qal li dan ix-xogħol minn wara l-kwinti huwa kruċjali l-operat fl-Isptar jibqa’ għaddej b’mod effiċjenti, u l-pazjent ikun moqdi bl-aħjar mod.
“Dan huwa importanti għax kull pazjent li jidħol kemm in-patient, kif ukoll out-patient, fl-Emerġenza, u ġoċ-Ċentri tas-Saħħa, irid ikollu l-istorja tiegħu kompluta ppreżentata għand it-tabib biex ikun jista’ jagħtih il-kura li għandu bżonn.”
Baldacchino Cefai tenniet li file huwa pazjent, u għaldaqstant l-organizzazzjoni fid-Dipartiment hija priorità.
“Il-file huwa pazjent allura nieħdu ħsiebu u nippreparawh biex kif ovvjament jiġi l-bżonn ta’ dak il-file, jinstab u nkunu nistgħu ngħadduh għall-klinika fejn ikollhom bżonnu.”