Il-maġġoranza tal-pazjenti li rriżultaw fil-pożittiv għall-COVID-19 jgħixu fiċ-ċentru tal-pajjiż.
Dan ħareġ minn informazzjoni li tat is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci, li nġabret tul l-imxija ta’ din il-marda f’Malta.
Filfatt, 142 mill-aktar minn erba’ mitt pazjent joqgħodu fl-inħawi tal-portijiet li jinkludu fost l-oħrajn l-Imsida, Birkirkara u Ħal Qormi.
95 huma residenti fix-xlokk ta’ Malta, 64 joqoħdu fit-tramuntana, 42 fin-nofsinhar, 39 fil-punent, u 20 pazjent jgħixu Għawdex jew Kemmuna.
“Ma jfissirx li l-persuna ħa l-virus minn dan il-post għax in-nies setgħu ltaqgħu f’postijiet oħra u din tkun qed tagħmel differenza eżatt fejn ikun qed jinfirex il-virus.” Stqarret il-Professur Charmaine Gauci.
Jekk wieħed iħares lejn l-etajiet u l-ġeneru tal-każi attivi jsib li l-maġġoranza tal-pazjeni huma rġiel u għandhom bejn l-20 u l-34 sena. Il-Professur Gauci spjegat li l-ormoni tan-nisa filfatt jippermettu għal immunità aktar b’saħħitha fin-nisa.
Is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika qalet,”Li minn banda huwa ta’ vantaġġ għaliex nafu li jekk nies anzjani jiġu affettwati ikun hemm aktar riskju ta’ kumplikazzjonijiet. Din tirrifletti anke l-miżuri li qed nieħdu fejn għandek il-popolazzjoni li taħdem li qed tiġi affetwata u nies anzjani pproteġejnihom għaliex huma aktar vulnerabbli.”