Fl-1925, il-poeta Nazzjonali ta’ Malta Dun Karm Psaila applika għall-passaport biex ikun jista’ jmur għall-btala fl-Italja, l-Iżvizzera, u Franza.
U għaxar snin qabel l-arkeologu u t-tabib Sir Temi Zammit applika għall-passaport biex imur l-Ingilterra.
Din l-informazzjoni dwar dawn iż-żewġ personaġġi ewlenin fl-istorja ta’ pajjiżna tinsab miġbura ma’ eluf ta’ applikazzjonijiet oħrajn għall-passaporti fl-Arkivju Nazzjonali ta’ Santu Spirtu fir-Rabat. Dokumenti li nstabu mitluqin għar-rimi ħamsa u għoxrin sena ilu fil-Forti Sant Iermu.
Il-koordinatur tas-servizzi pubbliċi fl-Arkivju Nazzjonali Melvin Caruana qal li dawn l-applikazzjonijiet jmorru lura iktar minn mitejn sena.
“Instabu fi stat kritiku ħafna li kienu f’Sant Iermu filfatt, grazzi għall-istaff tal-Arkivju Nazzjonali li ndunaw bihom ġabuhom hawnekk, kie hemm uħud minnhom li kellhom bżonn xi restawr.”
Fl-arkivji hemm miżmuma l-ewwel applikazzjonijiet uffiċjali li jmorru lura għas-sena 1815, sentejn wara li faqqgħet il-pesta.
“Dak iż-żmien kulma għandek inti just isem tal-klijent, tal-passiġġier li ħa jsiefer jew tal-persuna li tixtieq issiefer għax tinsewx dawn huma applikazzjonijiet mhumiex il-passaporti. Allura dak iż-żmien tal-1815 għandek l-isem u qed jiddikjara dan il-persuna li huwa m’għandux problemi ta’ saħħa. Fil-fatt kienu jgħidulhom Bill of Health dak iż-żmien.”
Mitt sena wara bdew jinkludu wkoll dettalji bħal post tax-xogħol, id-dehra tal-persuna u r-raġuni għas-safra.
“Ħaddiem, labourer ħa jmur ħafna drabi jfittex xogħol barra minn Malta. Ma ninsewx 1920’s kien hawn kriżi ta’ xogħlijiet hawn Malta, ħafna nies emigraw. Mhux 1920’s biss anke iktar tard imbagħad u naraw dawn il-waves litteralment ta’ nies qed jemigraw fejn qed imorru. 1920’s per eżempju hemm ħafna t-Tuneżija.”
Madankollu jispikkaw ir-ritratti ta’ missirijietna u ommijietna.
Ritratti uniċi iswed fuq l-abjad li jgħidu ħafna stejjer dwar il-familji u l-persuni li kienu japplikaw għall-passaport.
“Il-working class normali min m’għandux xogħol u qed jieħu ritratt, ħa jilbes l-ilbies li għandu. Ma kinux ilbies ta’ ċerta valur whatever umbagħad għandek il-klassi l-oħra. Il-klassi li huma well off li ħafna minnhom tarhom bil-pożi, irpużati, fuq pultruni, probabbli ħafna minnhom ħaduhom fi studio stess jiġifieri.”
Ta’ min jinnota kif b’differenza għal-lum, fl-imgħoddi kien jinħareġ passaport għal familja sħiħa li kienet ser issiefer jew temigra.
“Dak iż-żmien ħa tara familji sħaħ. Ħafna drabi dawn il-familji sħaħ ħa jsiefru għal xogħol, ħa jsiefru jew jemigraw biex isibu xogħol u allura inti ħa tara ritratt ta’ familja sħiħa.”
Bħalissa l-Arkivju Nazzjonali tinsab fi proċess li jniżżel dawn l-applikazzjonijiet wieħed wieħed f’kollezzjoni onlajn li hija miftuħa għall-pubbliku fuq is-sit ewropew Archives Portal Europe.