Xogħol f’sit ta’ kostruzzjoni f’Ħal Tarxien kixef fdalijiet Puniċi ta’ żmien il-Kartaġiniżi.
Skavar li sar taħt is-superviżjoni tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali kixef fdalijiet li jitfgħu dawl fuq id-dfin puniku.
Dawn il-fdalijiet jinkludu bomblu tal-fuħħar, irmied minn kremazzjonijiet u għadam.
Joe Magro Conti, mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, spjega kif illum il-ġurnata l-Awtorità tal-Ippjanar qed tikkollabora mas-Sovrintendenza u li għalhekk il-periti u l-iżvilupatturi jkunu jafu x’se jsibu waqt ix-xogħol ta’ kostruzzjoni.
“Kellna prediction illi jistgħu jinstabu arkeoloġija minħabba li fl-1974, infatti fir-rapporti annwali ta’ dak iż-żmien jisemmew li nstabu diġà oqbra u nstabu bl-għadam u l-fuħħar fihom. U allura meta jkollok qabar wieħed normalment ikollok oħrajn, ikunu ċimiterji tal-antik”
Qal li teżisti ċertezza tal-liema perjodu huma dawn il-fdalijiet li nstabu intatti.
“Għalissa carbon dating ma kienx hemm bżonn għaliex l-ewwel ma nkunu nafu d-dati, semmejt xi dati, 300 sena Qabel Kristu jew 2,300 sena mil-lum, antiki”
Magro Conti spjega li sejbiet bħal dawn jikxfu aktar minn sit arkeoloġiku.
“Li għandna interessanti li f’ċertu oqbra għandna l-ġisem midfun sħiħ, allura nsibu l-għadam sħaħ, f’oqbra oħra l-ġisem kien qed jinħaraq, qed jikremawh, u allura nsibu biċċiet ta’ għadam u jkunu maħruqin. Infatti meta ħa naraw il-fuħħar, it-tebut tagħhom uħud minnhom hu ta’ dawk li jikkremaw, peress li jiġi biċċiet jagħmluhom ġol-urna”
Is-Supretendent tas-Sovrintendeza tal-Patrimonju Kulturali spjega li l-oġġetti f’dawn l-oqbra żgħar, żewġ metri b’metru ġieli ċċaqilqu b’mod naturali permez tal-ilma jew saħansitra jċaqilquhom ġrieden jew sriep taħt l-art.
Qal li studji dettaljati li bdew isiru fil-laboratorji jgħinuna nempatizzaw man-nies ta’ dak iż-żmien u niksbu iżjed tagħrif dwar ħajjet in-nies Puniċi.
“Tara jekk kinux nisa u rġiel u ta’ liema età, tibda tara jekk mitux b’xi marda jew b’xi ħaġa oħra”