App ta’ eżerċizzju fiżiku online u personalizzat li tnediet fil-bidu tal-imxija f’pajjiżna meta l-gyms kienu magħluqin, intlaqgħet tajjeb ħafna, u d-domanda għaliha kulma jmur qed tiżdied.
Carlin Polidano, personal trainer li għandu gym f’Ħal Luqa, spjega kif huwa jispeċjalizza l-aktar f’sessjonijiet personalizzati, li f’Marzu kellhom jieqfu meta ingħalqu l-gyms. Iżda l-klijenti tiegħu baqgħu jieħdu s-servizz b’mod online meta nieda l-app.
Huwa qalilna: “Il-kunċett tal-online training huwa meta t-trainer jagħti l-programm tat-training lill-klijent through application system fuq l-internet fejn fiha jkollu video instructions kollox step by step, workouts personalizzati tal-klijent fejn fihom ikun jista’ jsegwi t-training li jkollu u jista’ jagħmlu x’ħin irid u meta jrid.”
Carlin qal li l-kunċett mal-klijenti tiegħu mill-ewwel intogħġob għaliex dawn setgħu jagħmlu l-eżerċizzju fiżiku minn fuq il-mobile, meta, fejn u x’ħin riedu, u wħud minnhom għażlu li jibqgħu jagħmlu dan anki issa li l-gyms reġgħu fetħu.
Huwa kompla jgħidilna: “Illaunchjajniha waqt il-Covid, marret tajjeb ħafna għax kien hemm nies li ma setgħux jagħmlu mod ieħor għax il-gyms kienu magħluqin u issa bqajna mexjin fuqha dejjem nagħmlu fine tuning.”
Bi snin ta’ esperjenza fis-settur, Carlin jistqarr li kulma jmur, il-Malti qed isir aktar konxju tal-apparenza fiżika tiegħu u jieħu ħsieb saħħtu.
Carlin sostna: “Iktar ma jgħaddi żmien iktar qed nirrealizza kemm in-nies – speċjalment il-Maltin – qed jiġu konxji, qed jieħdu ħsieb tagħhom infushom. Nemmen li għad baqa’ min jiġi iktar konxju però qed ikun hemm ħafna nies li qed jagħtu value lis-saħħa tagħhom.”
Huwa saħaq fuq l-importanza tal-bilanċ bejn l-eżerċizzju fiżiku u dieta tajba: “Inti tista’ tkun qed tagħmel l-aqwa training fid-dinja però jekk ma tkunx qed tiekol nutrijenti tajbin u ikel sustanzjuż, it-training li tkun qed tagħmel mhux ħa jkollu daqshekk effett kif tixtieq.”
Carlin kellu dan l-appell għal min jaqta’ qalbu biex jibda: “Ftakar li ġismek trid tgħix bih sal-aħħar ta’ ħajtek, il-kwalità ta’ ħajtek tista’ tinbidel għal ħafna aħjar jekk inti tmur tagħmel l-eżerċizzju. Tevita l-mard, ikollok iktar enerġija, u jekk tħoss li hija diffiċli biex tibda, dejjem hemm nies professjonali li jistgħu jgħinuk u mmexxuk step by step biex tasal fejn tixtieq.”