Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li se tiġi estiża l-konsultazzjoni pubblika dwar l-iskema ta’ rifużjoni ta’ flus fuq il-fliexen tal-plastik sal-aħħar ta’ Ġunju bil-għan li l-kumpaniji jkollhom perjodu itwal biex iressqu l-proposti tagħhom.
Il-Prim Ministru qal dan fi żjara li għamel fil-birrerija ta’ Farsons fl-okkażjoni tad-disgħin sena mill-bidu tal-operat tagħha.
Dr Muscat stqarr li din hija inizjattiva li permezz tagħha l-Gvern qed iħeġġeġ lin-nies jirritornaw il-fliexken tal-plastik lura u jintlaħqu l-miri tar-riċiklaġġ. Qal li biex jintlaħqu dawn il-miri, irid isir qbil mal-industrija u stqarr li l-kumpanija Farsons qiegħda tkun minn ta’ quddiem li tagħti s-sehem tagħha.
Intant tul iż-żjara l-Prim Ministru kellu ċ-ċans li jara l-investimenti li għamlet din il-kumpanija tul is-snin. Investimenti li jlaħħqu l-mitt miljun ewro u li wasslu biex illum il-kumpanija hija waħda mill-ikbar tax-xorta tagħha.
Il-kumpanija li tħaddem iżjed minn elf persuna, bdiet topera fl-1928 minn binja żgħira fil-Ħamrun u b’passi qalbiena u innovattivi rnexxielhom joħolqu prodotti li llum huma mnaqqxa bħala parti mill-kultura ta’ pajjiżna. Fost dawn il-prodotti hemm iċ-Cisk Lager u l-Kinnie li bdew minn ħolma u li llum huma mfittxija madwar id-dinja kollha.
Il-Prim Ministru ddeskriva lil din il-kumpanija bħala mużew ħaj tal-industrija f’pajjiżna u stqarr li r-riżultati li rnexxielha tikseb tul is-snin hija eżempju ċar tas-saħħa tal-ekonomija u tal-bżulija tal-ħaddiem Malti.
Intant fi stqarrija, il-Ministru għall-ambjent talab lill Awtorita tal-Ambjent u r-Riżorsi biex tħejji qafas legali li jirregolarizza l-impatt ambjentali tal-plastik li jintuża darba biss.
Il-ministeru spjega kif f’riċerka li għamlet il-Kummisjoni Ewropeja ġie stabbilit li l-plastik li jintuża darba biss jieħu sa’ ħames mitt sena biex jiġi ddisintegrat. Hawn hu qal li l-Gvern jinsab kommess li jkompli jwettaq politika favur l-ambjent.