L-istabbiltà hi meqjusa bħala l-aktar element importanti tal-ftehim li l-Gvern laħaq mal-importaturi tal-ikel u sidien tas-supermarkets.
Dan għax fost l-erba’ mitt prodott li se jibqgħu stabbli, hemm prodotti li kienu se jibqgħu jogħlew.
Spjega dan l-ekonomista tal-Bank Ċentrali, Ian Borg, meta ħa sehem fil-programm ‘Insights’ fuq TVMNEWS+.
“Apparti, imma t-tnaqqis fil-prezz innifsu, li din il-miżura li tagħmel hi li għal dawn l-400 item toffri stabbiltà f’xenarju fejn anke bħala projections u bħala forescasts kien li l-inflazzjoni, li dejjem ikun hemm, il-projections il-foreacst kienu li se jkun hemm inflazzjoni fil-prodotti tal-ikel għal kull item, kull prodott, inkluż dawn l-400 item.”
Il-Kap Eżekuttiv taċ-Chamber of SMEs, Abigail Mamo, ukoll irrikonoxxiet l-importanza tal-istabbiltà, iżda saħqet li l-organizazzjoni tagħha ma qablitx ma’ dan il-ftehim għax temmen li għandha taħdem il-kompetizzjoni.
“Aħna nħossu li bħala prinċipju fejn hemm kompetizzjoni taħdem tajjeb, fejn hemm suq ħieles hemm mhemmx wieħed jagħmel interventi artifiċjali. Għaldaqstant ma ħassejniex li hi ġustifikata.”
Iżda, is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union, Josef Bugeja, kellu ħsieb differenti u qal li dan il-ftehim iġib l-istabbiltà meħtieġa.
“Ma nistax nifhem, kif meta sar ftehim fuq l-impjegati, OK dak jista’ jsir, imma meta qed issir xi ħaġa fejn ftehmu l-Gvern u l-imprendituri u qed jgħidu dan se jnaqqas ċertu persentaġġ biex iżommu l-prezzijiet stabbli u tonqos l-inflazzjoni. Ovvjament ikun hemm iżjed flus fil-but.”
Matul il-programm issemma kemm-il darba kif il-Gvern daħal għal kulħadd, b’mod partikolari fuq il-prezzijiet tal-enerġija.
Bil-Ministru Silvio Schembri jgħid li, għalhekk, l-inizjattiva tal-prezzijiet tal-ikel tibni fuq inizjattivi li kienu diġà ttieħdu.
“Aħna morna nitkellmu man-negozji tal-importaturi u r-retailers. Morna b’wiċċna minn quddiem, għedna fil-mument tal-prova l-pajjiż kien qiegħed hemm, issa l-ħin li tagħtu xi ħaġa lura lis-soċjeta bħala CSR. Li anke huma fehmuh.”
Il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista, Ivan Castillo, tkellem dwar temi differenti, fejn, fost oħrajn, semma l-film festival, ftehimiet ta’ sponsorships u direct orders bħala l-metodu kif jindirizza l-inflazzjoni.
Dlonk waslet it-tweġiba tal-Ministru Schembri.
“Jien konvint li min qed isegwina lanqas ħaqq kemm ipprintjajt u qed taħli karti, min qed jarak minn hemm barra se jgħid dan kollu x’għandu x’jaqsam mal-inflazzjoni u mal-prezzijiet u din il-miżura ta’ stabbiltà. Kif ħriġna b’dan il-ftehim, il-Partit Nazzjonalista ħareġ b’gidba li dan mhux miftuħ għan-negozji ż-żgħar.”
Finalment, tul id-dibattitu kollu ħarġet ħaġa waħda ċara. L-importanza tas-serħan il-moħħ li ġab dan il-ftehim.
“Bħala Bank Ċentrali, l-istabbiltà fil-prezzijiet hi importanti ħafna. Hi importanti, kif għedt int, għall-konsumatur, għax jista’ jagħmel id-deċiżjonijiet b’mod aktar san. Hu importanti aktar għal min qiegħed fil-faxex vulnerabbli. Hu tajjeb ukoll għall-investiment. Hu tajjeb ukoll għall-ekonomija biex taħdem, kif suppost għandha taħdem.”