Fil-Mużew ta’ Malta Waqt il-Gwerra fil-Birgu bħalissa hemm esebizzjoni unika ta’ elmijiet intużati minn numru ta’ armati madwar id-dinja.
Din l-esebizzjoni qed tittella’ mill-Fondazzjoni Wirt Artna u ssegwi dik li saret tal-maskri tal-gass. Din l-esebizzjoni rawha madwar 25,000 persuna.
Iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Mario Farrugia tenna li kien żmien il-pandemija li wassal għall-kunċett ġdid ta’ esebizzjoni unika: “L-esebiti li għandna hawnhekk ma jkunux normalment għall-wiri fil-mużew, però jkunu fil-kollezzjoni tar-riserva u jinħarġu f’okkażjonijiet bħal dawn biss, jiġifieri min jiġi jara din il-wirja ħa jiġi jara affarijiet li normalment ma jkunux għall-wiri u fosthom hawn numru ta’ esebiti li huma rari ħafna.”
Fost in-numru ta’ elmijiet hemm dak li ntuża mill-armata tar-Repubblika tal-Irlanda, dak li huwa magħruf bħala Stahlhelm Vickers.
Huwa qal, “L-armata l-ġdida Irlandiża bdiet tuża elmu ta’ mudell Ġermaniż imma mmanifatturat fl-Ingilterra biex ikun kompletament jiddistingwihom mill-Ingliżi, għaliex? Għax l-Ingliżi kienu għadhom xorta fl-Irlanda, kienu fl-Irlanda ta’ fuq u huma naturalment kienu qed jużaw l-elmu Ingliż.”
F’din il-kollezzjoni hemm ukoll elmu b’disinn Malti fejn il- camouflage huwa dak tal-ġebel tas-sejjieħ.
Iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Kottonera Glenn Bedingfield tenna li l-fondazzjoni qed tagħti l-appoġġ tagħha biex il-wirt fil-Kottonera jitgawda mill-kumplament tal-Maltin u t-turisti li jżuru pajjiżna.
Huwa sostna: “Fl-inizjattivi li tieħu l-Fondazzjoni Wirt Artna dejjem toħroġ is-sabiħ ta’ dak kollu li għandna fil-Kottonera u allura meta qed nitkellmu fuq l-istorja ta’ Malta, qed nitkellmu fuq l-istorja tal-Kottonera wkoll, għaliex parti kbira mill-istorja ta’ Malta hija parti kbira wkoll jekk mhux l-istorja kollha tal-Kottonera, u allura huwa ta’ sodisfazzjoni għalina illi ngħinu lill-Fondazzjoni Wirt Artna biex itella’ dan l-esebizzjonijiet illi jistgħu jitgawdew minn kulħadd.”
Hemm il-ħsieb li wara din l-esebizzjoni ssir oħra fuq taqbiliet li kienu nkitbu waqt it-Tieni Gwerra Dinjija.