F’razzett fl-Imqabba ragħaj tradizzjonali ħa l-ferħa ta’ ħajtu hekk kif kmieni l-Ħadd, waħda min-nagħaġ tiegħu kellha erbat’ iħrief. Dan wara li sbatax-il jum ilu kienet diġà welldet żewġt iħrief oħra.
Ġużi Farrugia li ilu għomru u żmienu jirgħa n-nagħaġ spjegalna kif kien sorpriż meta malli daħal sema’ l-għajta ta’ ħaruf tat-twelid ġej minn stalla fejn kien hemm nagħġa li kienet diġà welldet.
Huwa spjegalna: “Dalgħodu ġejt bħas-soltu nagħlef in-nagħaġ u malli nersaq lejn il-kamra tan-nagħaġa nisma’ l-għajjat mhux tas-soltu u jien għidt dawn x’iħrief huma għax il-ħrief ta’ ġurnata m’għandhomx x’jaqsmu ma’ ta’ sbatax-il ġurnata ilu.”
Huwa kompla jfissrilna kif nagħġa rari jkollha iżjed minn żewġt ifrieħ u li għalkemm mietulha tnejn minnhom, fiż-żmien li ilu jagħmel dan ix-xogħol lanqas qatt kien jistenna li nagħġa li jrabbi hu kien se jkollha dawn l-ammont ta’ frieħ f’daqqa.
Ġużi qalilna: “Bħal-lum jiena ħadt pjaċir ħafna tan-nagħġa għax din qatt ma kienet bħalma għidtilkom, f’għomri qatt. Jien ili nrabbi n-nagħaġ mindu kont żgħir man-nannu u ma’ ommi imma qatt ma ġraw dawn l-affarijiet.”
Ġużi huwa wieħed mir-ragħja tradizzjonali Maltin li jieħu ħsieb in-nagħaġ hu stess sa mit-twelid sakemm jikbru biżżejjed sabiex ikunu jistgħu jitgawdew mill-konsumatur. Huwa spjegalna li fir-raba’ tiegħu jkabbar il-qamħ hu stess sabiex jagħlef il-merħla.
Stqarr li maż-żmien ra x-xogħol tiegħu jinbidel: “Niftakar ħafna qabel konna naħsdu bil-minġel u norbtu kollox b’idejna. Illum għandek l-inġenji. Illum biex taħleb bil-magni, biex taħsad bil-magni wkoll u torbot it-tiben bil-magni, kollox bil-magni, anke taħsad. Kollox bl-inġenji llum. M’għandekx ħafna tbatija, xogħol għandek imma tbatija m’għandekx ħafna u qawmien kmieni.”
Lil Ġużi ħallejnieh fir-razzett tiegħu b’ħarsa ta’ sodisfazzjon fuq wiċċu wara li n-natura hennietu b’iżjed ħrief li issa se jkompli jieħu ħsieb mal-kumplament tal-merħla tiegħu.