Erba’ deputati Nazzjonalisti biss iddikjaraw direttament li l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia għandu jibqa’.
Mistoqsija mill-gazzetta Ilum, kienu biss id-deputati Fredrick Azzopardi, Clyde Puli, Mario Galea u Ivan Bartolo li b’mod jew ieħor sostnew li Delia għandu jibqa’ jmexxi.
Dan fid-dawl tal-petizzjoni li wasslet biex għall-ewwel darba se jitlaqqa’ Kunsill Ġenerali li se jiddiskuti vot ta’ sfiduċja fit-tmexxija ta’ Delia.
Dan wara t-telfiet elettorali bla preċedent f’Mejju li għadda li wasslet biex sezzjonijiet tal-partit fosthom l-MŻPN u l-APAN jiddikjaraw sfiduċja f’Delia.
Id-deputati Simon Busuttil, Therese Comodini Cachia, Maria Deguara, Beppe Fenech Adami, Claudio Grech, Carm Mifsud Bonnici, Marthese Portelli, Robert Arrigo, Edwin Vassallo, Kevin Cutajar u Claudette Buttigieg ma rrispondewx il-mistoqsijiet li għamiltilhom il-gazzetta.
Filwaqt li d-deputati Nazzjonalisti l-oħrajn evitaw milli jagħtu tweġiba diretta.
Il-Viċi Kap David Agius, Robert Cutajar u Toni Bezzina qalu li jikkumentaw biss internament.
Stephen Spiteri, Karl Gouder u Chris Said sostnew li din il-kwistjoni għanda tiġi diskussa fil-Kunsill Ġenerali.
Jason Azzopardi, li ħareġ jattakka l-kap direttament u qal li dan qed iħalli nies jiktbu messaġġi ta mibegħda kontra deputati nazzjonalisti qal li huwa jitkellem fil-grupp parlamentari, filwaqt li Karol Aquilina u Mario DeMarco qalu li Delia għandu jmur għall-vot ta’ fiduċja.
Kristy Debono, il-President tal-Kunsill Ġenerali, qalet li mhix se tikkumenta madanakollu fakkret li Delia tela b’mod demokratiku mit-tesserati.
Bid-deputat Ryan Callus, wara ġimgħat jikkritika lil Delia, qal li jeħtieġ li l-Partit Nazzjonalista jinbidel b’mod radikali iżda sostna li ma jarax it-tneħħija ta’ Delia bħala soluzzjoni.