Elon Musk poġġa filmat tiegħu nnifsu għaddej fil-kwartieri ġenerali ta’ Twitter iġorr sink. Dan qajjem aktar spekulazzjonijiet dwar id-destin tas-social media platform, li hija ppjanata li tispiċċa f’idejh.
Il-biljunarju Amerikan qed jiffaċċja skadenza nhar il-Ġimgħa biex itemm il-proċess ta’ xiri ta’ $44 biljun, li ħabbar xhur ilu iżda li aktar tard ipprova jabbanduna.
Huwa qabel li jimxi ‘l quddiem aktar kmieni dan ix-xahar, ġimgħat biss qabel ma kellu jibda proċess fil-qorti dwar dawk il-passi.
“Entering Twitter HQ – let that sink in!” kiteb Musk.
Fil-lingwaġġ tan-negozju, “kitchen sinking” tfisser li tieħu azzjoni radikali f’kumpanija, għalkemm mhux ċar jekk dan kienx il-messaġġ li Musk ried iwassal. Huwa aġġorna wkoll il-bijografija ta’ Twitter tiegħu biex jaqra “chief twit”.