Is-suċċessi ta’ Joseph Muscat ma rridux u m’għandix bżonnu. Iddikjara dan il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia, meta indirizza l-għeluq tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.
Il-ħidma li qiegħed iwettaq il-Prim Ministru Joseph Muscat waslet sabiex pajjiżna għandu ekonomija b’saħħitha bil-Kummissjoni Ewropea tiddikjara fl-istess jum li Malta laħqet il-mira tas-suq tax-xogħol u għandha l-inqas rata ta’ nies bla xogħol fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Fl-istess waqt il-poplu Malti qiegħed iħallas fost l-irħas tariffi tal-enerġija.
Iżda għal din il-ħidma li qiegħed iwettaq il-gvern immexxi mill-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Kandidat Nazzjonalista ghall-Parlament Ewropew Michael Mercieca, kellu kliem ta’ kundanna lejn il-Prim Ministru.
Filwaqt li l-Kandidat Nazzjonalista ghall-Parlament Ewropew Michael Briguglio qal li meta jigi elett gvern laburista, il-poplu Malti jitlef. Fil-Kunsill Ġenerali tkellem ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-midja nazzjonalista Pierre Portelli, li fid-diskors tiegħu qal lill-kunsillieri Nazzjonalisti li fejn jidħlu d-drittijiet ċivili jridu jaċċettaw lis-soċjeta l’hemm miexja
Intant, fil-kunsill generali spikkaw ghadd ta’ dikjarazzjonijiet minn esponenti Nazzjonalisti li jridu lill-Partit Nazzjonalista fil-gvern, lil Malta Nazzjonalista u lil Adrian Delia Prim Ministru. Iżda ma preżentawx proposta waħda għall-pajjiż. Fid-diskors tiegħu Adrian Delia kien negattiv u attakka l-ħidma li qiegħed iwettaq dan il-gvern.
Fl-istess ġimgħa li studju indipendenti wera li l-kriminalità f’Malta naqset b’7%, Delia ħareġ jattakka lill-Kummissarju tal-Pulizija u sejjaħlu pupazz. L-istess mod kif kien jiddeskrivih l-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil.
Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li Adrian Delia, tassew sar Adrian Busuttil. Qal ukoll li d-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni lbieraħ juri kif kellu raġun David Casa meta qal li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista huwa Adrian Busuttil. Qal li Adrian Delia baqa’ ma sabx skop għax qiegħed f’din il-kariga wara kważi 18-il xahar li kien elett bil-wegħda ta’ mod ġdid.
B’hekk, f’paniku tliet xhur qabel il-poplu jiġġudikah, l-uniku triq li donnu sab Delia hi li jipprova jkun bħal ta’ qablu. Mill-attakki fuq l-istituzzjonijiet għan-negattività dwar Malta, Adrian Delia rrepeta dak li qablu kien jgħid Simon Busuttil, temm jghid il-Partit Laburista.