Tletin sena mill-inawgurazzjoni tal-Monument tal-Indipendenza fil-Floriana, il-monument ingħata dehra ġdida wara li sarlu xogħol ta’ manutenzjoni mill-ħaddiema fis-sezzjoni tal-konservazzjoni ta’ Heritage Malta.
Il-monument tal-Indipendenza, xogħol l-iskultur Ġanni Bonnici fl-aħħar ġimgħat għadda minn taħt idejn ħaddiema professjonali tar-restawr għall-ewwel darba mindu ġie inawgurat f’Settembru tal-1989. Il-monument li jinsab fil-ponta tal-Mall fil-Furjana jirrappreżenta lil Malta li tinħeles u fl-istess ħin tiddawwar minn żigarelli li huma fl-istess ħin xkiel u festa ta’ libertà.
Il-konservatur ewlieni ta’ Heritage Malta Frank Chetcuti tkellem ma’ ONE News dwar ix-xogħol li sar u sostna li l-bronż instab f’kundizzjoni tajba:
Il-Monumenti li jkunu fuq barra jitrabbielhom ħafna ħmieġ, speċjalment il-ħmieġ tal-ħamiem li joqgħod fuqu. Il-proċess beda l-ewwel billi naddafnih, tindif tat-trab kif ukoll tal-ħmieġ tal-ħamiem li kellu. Wara dan il-proċess kien imiss it-tindif ta’ xemgħa li kienet tintuża fil-passat biex tipproteġi l-bronżijiet.
Is-Sur Chetcuti żied jgħid li fl-aħħar ġimgħat il-gvern ta l-awtorizzazzjoni lil Heritage Malta biex tieħu ħsieb dan il-monument u bosta monumenti oħra mferrxin mal-pajjiż.
Ir-restawr huwa importanti, huwa wirt nazzjonali tagħna.aħna dan l-aħħar il-gvern ta f’idejn heritage Malta biex niħdu ħsieb dawn il-monument.Aħna bħala sezzjoni ta’konservazzjoni għaddejjin minn wieħed għal ieħor,ovvjament nieħdu ħsieb l-iktar li hemm bżonn,dan peress li għalaq 30 sena huwa ta’ minn li jingħatalu trattamenti kollha li hemm bżonn biex jkun lest għall-festa.
Fil-fatt dan ix-xogħol ta’ restawr jikkumplimenta bosta xogħlijiet oħrajn ta’ restawr fil-kapitali Maltija bis-sezzjoni tal-konservazzjoni ta’ Heritage Malta għandha programm ieħor ta’ xogħlijiet fuq għadd ġmielu ta’ monumenti li jirrappreżentaw personaġġi u ġrajjiet ewlenin fl-istorja ta’ pajjiżna.